TVM - Nuqqas ta' Rappurtaġġ




Deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-protest ġudizzjarju inizjat minnu.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra l-istazzjon pubbliku PBS Ltd.

 

Is-Sur Mark Amaira, kiteb lill-istazzjon nhar id-29 ta’ Settembru 2023. Permezz ta’ din il-korrispondenza, u skont il-proċedura tal-L.S. 350.06, ilmenta  dwar nuqqas ta’ bilanċ fit-trattament tal-protesta ġudizzjarja tiegħu. Skont hu dan in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-protesta ġudizzjarja tiegħu kien immirat sabiex imewwet l-għan ewlieni tal-azzjoni li hu ħa minn jeddu u minn butu sabiex il-PBS jipproteġi l-interessi ta’ ex-impjegata ta’ PBS Ltd. Fil-protest ġudizzjarju s-Sur Mark Amaira qal li l-ħatra tas-Sinjura Norma Saliba bħala l-Kap ta’ ċentru ġdid tal-lingwa saret mingħajr konsultazzjoni u li hi ma kellhiex kwalifiki fil-lingwa kif mistenni.

 

PBS baqa’ ma weġibx għal dan l-ilment matul it-tlett ijiem li matulhom suppost wieġeb. Għalhekk, wara r-rikjesta mis-Sur Mark Amaira, l-Awtorità organizzat is-smigħ dwar dan l-ilment.

 

Fis-seduta li saret fl-4 ta’ Diċembru 2023,  is-Sur Mark Amaira qal li l-PBS ma kienx qed ikejjel il-protest tiegħu bl-istess mod li qed ikejjel l-interessi tas-Sinjura Norma Saliba u tenna li hu kien kisser il-pontijiet ma’ kulħadd għall-ġid tal-Malti u dan b’neċessità.

 

Għall-PBS Ltd dehru Dr Shaun Zammit bħala l-konsulent legali kif ukoll l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-Chief. L-Inġ Charles Dalli qal li r-rapporti tagħhom dwar il-Kunsill bdew fil-31 t’Awwissu, li kien hemm in-notifika u fejn irċevew il-protest ġudizzjarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti li kien jikkontjeni l-informazzjoni kollha marbuta ma’ dan il-protest. Spjega li dakinhar is-Sur Mark Amaira għamel ilment u li dan issemma matul l-aħbarijiet. L-Inġ. Dalli qal li l-protesti ġudizzjarji ma hemmx aċċess għalihom ħlief mill-partijiet. Kompla li s-Sur Amaira, minflok wieġeb bil-protest wieġeb li hu qed jgħin lill-istazzjon bil-likes u views.

 

Is-Sur Mark Amaira wieġeb li l-għada tal-kontro-protest, cioe fis-26 ta’ Settembru 2023, kien kiteb lill-PBS sabiex jilmenta li ma ssemma xejn dwaru u anqas xi forma ta’ aġġornament. Is-Sur Mark Amaira esebixxa dokument li kien jitratta 4 punti dwar il-kontro-protest u li qal li din kienet intbagħtet lill-PBS

 

Skont is-Sur Mark Amaira, PBS kien qed ifalli mid-dover ġurnalistiku tiegħu tat-tiftix tal-aħbar u esiġa li meta ma tinħariġx stqarrija, l-PBS jgħid li ma jirrappurtax mingħajrha, iżda meta tinħareġ, jgħid li ma jirrappurtax stqarrijiet. Kompla li hu ħareġ stqarrija biex iwieġeb aħbar fejn saħansitra issemma ismu.

 

L-Inġ. Dalli qal li ma kienx irċieva il-protest u dan minkejja li kien ġie mitlub mis-Sur Mark Amaira. Hu nforma lill-Bord li l-istazzjon la jkollu aċċess u anqas ma jirċievi mill-Qorti dawn it-tip ta’ protesti. Dr Shaun Zammit kompla li sal-ġurnata tallum dan il-protest baqa’ ma ntbagħatx.

 

Wara li l-partijiet irtiraw mis-smigħ, il-Bord iddiskuta dan l-ilment.

 

Il-Bord huwa tal-fehma li x-xandar pubbliku naqas milli jsegwi u jistħarreġ b'reqqa l-interità tal-fatti. Għalhekk, filwaqt li qed jilqa’ dan l-ilment qed jiggwida lill-PBS sabiex jeżerċita d-doveri ġurnalistiċi b’mod iżjed għaqli u effettiv. Il-Bord hu tal-fehma li ġaladarba saret referenza għall-kontro-protest jew risposta għall-protest tas-Sur Mark Amaira fil-bulettin tal-aħbarijiet, il-PBS loġikament kellu jirraporta mqar sunt tal-kontenut tal-protest ġudizzjarju. Il-Bord jinnota li l-istazzjon effettivament talab kopja ta' dan il-protest lis-Sur Mark Amaira u baqa' ma ntbagħatlux. Madankollu, dan xorta ma jiġġustifikax in-nuqqas tal-istazzjon li jirraporta storja fit-totalità tagħha, la darba għażel li jagħmel dan.

 

 

 

 

 

12 ta’ Diċembru 2023

Smigħ 15/2023 Numru 6

Ref: 85/23