Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ parti mill-istqarrija tal-PN dwar it-tneħħija tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta fl-aħbarijiet ta’ TVM tal-10 ta’ Frar 2024
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra il-PBS rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-PN dwar il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, tali rappurtaġġ ixxandar matul il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ nhar l-10 ta’ Frar 2024.
Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Dr Michael Piccinino argumenta li PBS ma xandarx l-allegazzjoni tal-PN li l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta kien tkeċċa u saħaq li la kien hemm pronunzja u anqas verifika dwar dan.
Għal dan, Dr Mark Vassallo wieġeb li kif ikkonferma l-Inġ. Charles Dalli permezz tar-risposta tiegħu datata 16 ta’ Frar 2024, ħarġet stqarrija mill-Gvern li ddikjarat li kien hemm CEO ġdid u li dak preċedenti kien irriżenja. Qal li kieku kien hemm akkuża kriminali u l-Ministru jkollu ħjiel li se jittieħdu proċeduri ma kinux joħorġu stqarrija bħal din.
Dr Francis Zammit Dimech wieġeb li jservi ta’ ġid għall-PBS jekk jipprattika ġurnaliżmu ta’ mmedjatezza.
Wara li l-Bord ikkunsidra l-fatti miġjuba, sab li x-xandira lmentata kienet attwali u nieqsa mill-ispekulazzjoni. Għal din ir-raġuni mhux jilqa’ l-ilment.
5 ta’ Marzu 2024
Smigħ 02/2024 Numru 12
Ref: 14/24