TVM - Nuqqas ta' Rappurtaġġ - 14 ta' Settembru 2023




Deċiżjoni dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista (“PN”) kontra PBS dwar ir-rappurtaġġ tad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir ta’ nhar l-14 ta’ Settembru 2023

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq minn Dr Michael Piccinino bħala segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (“PN”) fil-15 ta’ Settembru 2023. Fl-ilment inizjali tiegħu hu qal li d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir fuq materji ta’ imparzjalità huma ta’ interess pubbliku u għalhekk dawn għandhom jixxandru minn stazzjon suppost pubbliku. Qal ukoll li  hu n-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ din id-deċiżjoni li qed issir bi ksur tal-Kostituzzjoni u tal-Liġi tax-Xandir ta’ pajjiżna.

F’seduta li saret fil-5 ta’ Ottubru 2023 deher Dr Michael Piccinino għall-PN li spjega li hu kien kiteb lill-Inġ. Dalli bħala editur tal-PBS kif titlob il-liġi u dan dwar il-fatt li dak li ġara kien ta’ mportanza pubblika. Spjega li fl-14 ta’ Settembru ngħatat id-deċiżjoni li kellha tixxandar dakinhar stess għax kien fiha valur t’aħbar. Fil-15 ta’ Settembru l-PN ilmenta dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tad-deċiżjoni tal-Awtorità u kien biss fid-19 ta’ Settembru 2023 li l-PBS xandar dan. Għaldaqstant l-ilment kien imressaq minħabba d-dewmien u mhux il-kontenut.

Għall-PBS wieġeb Dr Mark Vassallo u nforma lill-Awtorità li r-rapport ġie mxandar fid-19 ta’ Settembru 2023 u li filwaqt li l-PBS xtaq ixandar ir-rapport qabel, kien qed jistenna kjarifika mill-Awtorità tax-Xandir għal deċiżjoni preċedenti tal-14 ta’ Settembru li kienet tinkludi kelma li mhix miktuba kif suppost. Skond hu dan jirrivolvi mal-kelma “konvejentament” li l-PBS ma setax jifhem kellhiex tkun “konsegwentament” jew “konvenjentement”.

Dr Michael Piccinino qal li skond dak li qed jingħad il-PN ma jistax ibati konsegwenzi ta’ dak li huwa potenzjalment diżgwit bejn il-PBS u l-Awtorità tax-Xandir.

Wara li kkunsidrat l-argumenti mressqa, l-Awtorità ddiskutiet l-ilment u ħasset li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-perjodu ta’ 4 ijiem ilmentat mill-PN ma kienx perjodu twil biżżejjed li b’xi mod itaffi l-effett tar-rapport imxandar. Għaldaqstant l-Awtorità mhix tilqa’ l-ilment.

 

 

10 ta’ Ottubru 2023

Smigħ 13/2023 Numru 1

Ref: 81/23