Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ b’reazzjoni għall-istqarrija tal-Awtorità
Permezz ta’ email datata 23 t’April 2024, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) Dr Michael Piccinino, rrefera għall-bullettin tal-Aħbarijiet tal-PBS tat-Tnejn 22 ta’ April. Hu kiteb li jum qabel, l‑Aħbarijiet tal-PBS xandru stqarrija maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir b’reazzjoni għall-istqarrija tal-PN dwar rappurtaġġi li jirrigwardaw lill-President tal-Unjoni Ewropea Dr Roberta Metsola, u naqsu milli jxandru l‑istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li kienet twieġeb lill-istess reazzjoni. Kompla li dan huwa bi ksur tal-provvedimenti ċari tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-liġi tax-xandir li jitkellmu dwar il-bilanċ u l-imparzalità fuq ħwejjeġ ta’ kontroversja politika. Dr Michael Piccinino żied jikteb li għal dawn ir-raġunijiet, qed jitlob li jingħata immedjatament rimedju effettiv lill-Partit Nazzjonalista. Hu temm l-ilment billi kiteb li qed jibgħat kopja ta’ dan l-ilment lill-Awtorità tax-Xandir skont dak li jipprovdi l-Kodiċi għall-Investigazzjoni u għad‑Determinazzjoni t’Ilmenti (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.06).
Fis-26 ta’ April, l-Inġ Charles Dalli wieġeb għall-ilment tal-PN u qal li l-PBS irraporta sunt tal-istqarrija tal-PN b’reazzjoni għall-istqarrija tal-Awtorità tax-Xandir fejn il-Partit Nazzjonalista qal li r-regoli tal-Awtorità tax-Xandir mhumiex demokratiċi. L-Inġ Charles Dalli qal ukoll li l-Ħadd ġiet imxandra wkoll l-istqarrija li ħarġet mill-uffiċċju tal-Parlament Ewropew b’talba sabiex dawn ir-regoli jiġu sospiżi. Qal li wara dan l-Awtorità tax-Xandir ħarġet stqarrija li fiha aċċertat li r-regoli mhumiex qed jiċċensuraw lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, liema stqarrija ġiet ukoll irrapurtata nhar it-Tnejn 22 ta’ April.
Il-PN ma kienx sodisfatt b’din ir-rispota u talab smigħ li ġie skedat għad-29 t’April 2024.
Għal dan is-smigħ dehru Dr Paul Borg Olivier u Dr Michael Piccinino għall-PN kif ukoll Dr Mark Vasssallo għal PBS flimkien mal-Editor-in-Chief Inġ. Charles Dalli.
Dr Paul Borg Olivier mmedjatament irrefera għall-prinċipju ta’ nemo judex in causa propria u kompla li l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għandu jirrikuża ruħu l-għaliex ma jistax jiddeċiedi fuq kawża li għandu nteress dwarha. Hu ta din l-istqarrija li talab lis-segretarju tal-Bord jivverbalizza:
“Dr Paul Borg Olivier għall-PN jirrileva illi l-materja mertu ta’ dan is-smigħ jimpinġi fuq interess tal-istess Bord tal-Awtorità tax-Xandir u għaldaqstant jaffetwa direttament il-prinċipju nemo judex in causa propria fis-sens illi l-persuna li qed tiddeċiedi ma għandhiex tiddeċiedi fuq materja li hija stess għandha nteress fiha. Dan ukoll l-għaliex f’każ illi jiġri dan, jaffetwa d-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq kif protett taħt Art. 39 tal-Kostituzzjoni u Art.6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem u għaldaqstant jitlob li għas-smigħ ta’ dan il-każ, dan il-Bord jirrikuża ruħu minħabba l-istess interess li għandu meta jiġi biex jagħti d-deċiżjoni.”
Dr Mark Vassallo wieġeb billi vverbalizza s-segwenti:
“Dr Mark Vassallo għal PBS ma jaqbilx mat-talba magħmula mill-PN u dana stante illi bil-preżentazzjoni tal-ilment ai termini tal-leġislazzjoni sussisdjara 350.06, il-PN issokkomba ruħu għad-deċiżjoni tal-Awtorità. Kieku l-PN ħass illi dan il-Bord kellu xi forma ta’ kunflitt seta’ jagħmel kif għamel f’diversi okkażjonijiet oħra u jippreżenta l-ilment tiegħu f’forum differenti. Apparti dan il-PBS jitlob li l-PN jindika taħt liema artikolu tal-liġi qed jibbaża t-talba tiegħu partikolarment fejn għandu x’jaqsam l-istitut tar-rikuża u kif dan japplika għall-awtorità tax-xandir.”
Dr Paul Borg Olivier irribatta billi qal:
“Bi tweġiba għall-verbal tal-PBS, il-PN jissottolinea fl-ewwel punt illi l-proċeduri quddiem dan il-Bord huma proċeduri ta’ rimedju ordinarju u għaldaqstant qabel kwalsiasi azzjoni oħra huwa d-dover li jfittex ir-rimedji ordinarji tiegħu qabel kwalsiasi azzjoni kostituzzjonali oħra.
Fit-tieni lok il-prinċipju tar-rekuża huwa prinċipju marbut mal-ġustizzja naturali u cioè nemo judex in causa propria u għaldaqstant huwa l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir stess li għandu jassigura illi f’materja li hu għandu nteress dirett fiha ma jkunux l-istess membri komposti b’dan il-mod, li jagħtu l-istess deċiżjoni. Ċertament issir referenza għall-proċeduri taħt il-Kap. 12 tal-liġijiet ta’ Malta illi għalkemm jirreferu għall-Qrati għandhom iservu ta’ ndikazzjoni ġenerali dwar il-komportament tal-istess Bord.”
F’dan l-istadju l-Bord issospenda s-smigħ għal deċiżjoni dwar ir-rikjesta tal-Partit Nazzjonalista. Nhar is-7 ta’ Mejju 2024, il-Bord informa lill-PN li mhux jilqa’ t-talba tiegħu għar-rikuża tal-istess filwaqt li nforma lill-partijiet li s-smigħ se jitkompla nhar it-22 ta’ Mejju 2024, li għalih attendew l-istess persuni.
Matul dan is-smigħ Dr Paul Borg Olivier qal li hu lkien jistenna li jkun hemm motivazzjoni għar-rifjut u vverbalizza kif ġej:
“Filwaqt li l-Bord qed jiddeferixxi, aħna qed nirreġistraw id-dewmien esaġerat illi mill-email tas-7 ta’ Mejju 2024 sas-seduta tat-22 ta’ Mejju 2024 il-motivazzjoni għad-deċizjoni minkejja mitluba baqgħet ma waslitx; minkejja li l-Bord qassam il-verbali li għamlu l-partijiet fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2024 u għaldaqstant il-lanjant qiegħed jilmenta oltre għal dan id-dewmien inġustifikat b’riserva għad-drittijiet tiegħu ulterjuri”.
Nhar it-22 ta’ Mejju, il-Bord bagħat ittra lill-PN fejn informa lil-lanjant li l-Bord jirrikonoxxi illi fil-kommunikazzjoni mibgħuta mill-Bord fis-7 ta’ Mejju 2024, il-Partit Nazzjonalista ġie nfurmat li t-talba tiegħu tad-29 ta’ April 2024 kienet ġiet miċħuda, liema kommunikazzjoni il-lanjant wieġeb li ma kellha ebda motivazzjoni. Il-Bord qal li kien iddelibera dwar din it-talba u kif ukoll ħa l-pariri legali opportuni li wassluh għall-motivazzjoni li fuq il-mertu tal-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma kien esprima l-ebda pożizzjoni u għalhekk ma kien hemm l-ebda lok għal astensjoni jew rikuża.
Is-smigħ tkompla nhar is-27 ta’ Mejju 2024 fejn għalih attendew l-istess persuni.
Dr Michael Piccinino spjega li fil-ġimgħa ta’ qabel id-19 t’April 2024, l-Awtorità ħarġet direttiva lix-xandara li kienet tinkludi l-mod ta’ kif tiġi rrapurtata Dr Roberta Metsola u l-parlament Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista kien ilmenta li l-fatt li Dr Roberta Metsola, bħala l-President tal-parlament Ewropew tiġi rrapurtata b’mod kawt kien qed joħloq ċensura l-għaliex ma kellhiex tiġi kkunsidrata fuq skala ta’ level playingfield minħabba l-inkarigu tagħha. Kompla li dan ma jsirx per eżempju fir-rigward tal-Prim Ministru. L-Awtorità kienet ċaħdet dak allegat.
Dr Michael Piccinino qal li fis-26 ta’ Mejju 2024, PBS xandar iċ-ċaħda ta’ Dr Joseph Muscat rigward l-inkjesta Vitals u allura dan huwa eżempju fejn il-kejl ta’ PBS mhux applikat b’mod regolari għall-kull każ applikat quddiemu. Dr Paul Borg Olivier kompla li PBS, fis-26 ta’ Mejju 2024, irraporta dak li diġà ntqal. Qal li meta għandek dibattitu ġenerali li hu ta’ kontroversja politika, peress li huwa dwar l-operat tal-Parlament Ewropew, wieħed isib li Dr Roberta Metsola ġiet singled-out u dan bi skop ta’ ċensura. Hu tenna li din hija vjolazzjoni.
Għal PBS, Dr Mark Vassallo wieġeb li hu jikkumenta biss dwar ir-rapurtaġġ mhux dwar id-direttivi tal-Awtorità tax-Xandir għax dawn ingħataw skont il-poteri tagħha u x-xandar kien qed isegwihom. Segwa dan b’numru ta’ stqarrijiet li nħarġu mix-xandar dwar diversi temi u jinkludi wkoll lil Dr Roberta Metsola, minkejja li l-allegazzjoni hi li hi qed tiġi ċċensurata.
Dr Mark Vassallo stieden lill-Awtorità tikkonferma li dak li qed jilmenta fuqu l-Partit Nazzjonalista ma hemm ebda novità fih u li jrid ikun hemm limitu għal kemm se ddum sejra l-botta u r-risposta. Dr Paul Borg Olivier irribatta li la kien hemm stqarrija u dakinhar stess kien hemm żviluppi oħra, dawn għandhom jiġu nklużi. Qal li r-reazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir kienet jumejn wara l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk iħoss li la darba r-reazzjoni ssir dakinhar stess, għandha tiġi nkluża wkoll.
Dr Mark Vassallo tenna li l-Partit Nazzjonalista kulma għamel hu li rrepeta dak li qal oriġinarjament.
Meta l-partijiet telqu mis-seduta l-Bord għadda sabiex janalizza dan l-ilment u jara wkoll id-dokumentazzjoni mgħoddija.
Il-Bord innota li rappurtaġġ fuq storja, iżjed u iżjed fuq bulettin tal-aħbarijiet, ma jistax ikun nieqes mill-element tal-bilanċ. Għalhekk għadda sabiex jifli l-istqarrijiet tal-Partit Nazzjonalista tad-19 t’April 2024, li kienet reazzjoni għad-direttiva tal-Awtorità tax-Xandir u li ġiet imxandra minn PBS, kif ukoll dik tat-22 t’April 2024 li kienet reazzjoni għall-istqarrija maħruġa dwar l-Awtorità tax-Xandir fir-rigward ta’ diversi rappurtaġġi li hi ħasset li ma kinux veritiera fil-konfront tal-istess direttiva.
Il-Bord sab li filwaqt li t-tieni stqarrija kienet maħruġa mill-PN fl-istess jum tal-istqarrija tal-Awtorità tax-Xandir, u għalhekk, anke peress li din kienet maħruġa fl-istess jum, PBS seta’ jinkludiha fl-istess rappurtaġġ ġaladarba din ikollha valur t’aħbar, tali deċiżjoni hija fil-mansjoni tal-editur. Il-Bord għadda sabiex jifli l-kontenut tat-tieni stqarrija li skont ix-xandar kienet sommarju tal-ewwel u sab li kien hemm żewġ elementi ġodda f’din l-istqarrija qsajra, cioè l-fatt li l-Awtorità tax-Xandir mhix tapplika kejl identiku fil-konfront tal-Ministri u l-Gvern fi żmien l-elezzjonijiet kif ukoll referenza għat-talba tal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew għall-irtirar tal-parti tad-direttiva li fiha tissemma l-President tal-Unjoni Ewropa Dr Roberta Metsola. Madankollu, minkejja l-inklużjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi ġodda, il-Bord ikkunsidra jekk dawn kinux joħolqu valur t’aħbar u minn dak li analizza, anke għall-fatt li matul it-22 t’April 2024, il-PBS irrapporta li “ kull rappurtaġġ jew informazzjoni dwar il-ħidma tal-Parlament Ewropew jew kull rapport b’rabta mal-President tal-Parlament Ewropew għandu jiġi rrappurtat b’kawtela”. Il-Bord għaldaqstant innota li l-istqarrija ma kenitx waħda preċiża l-għaliex kienet qed twieġeb stqarrija tal-Awtorità tax-Xandir li kienet qed tinterpreta l-kelma użata, “kawtela”, bħala ċensura. Għalhekk il-Bord ħass li l-editur ma kienx skorrett fid-deċiżjoni tiegħu li ma jsibx valur t’aħbar fit-tieni stqarrija u dan għal tliet raġunijiet: l-ewwel peress li PBS kien diġà rraporta l-veduti dwar iċ-ċensurar mill-Awtorità tax-Xandir, t-tieni peress li PBS ġab provi li Dr Roberta Metsola kienet tassew qed tiġi nkluża fil-bulettini tal-aħbarijiet, fosthom dak tad-19 t’April 2024 u t-tielet l-għaliex kif ingħad, ma rriżultax li l-editur kien skorrett li ma jsib ebda valur t’aħbar fit-tieni stqarrija.
Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord qiegħed jiċħad l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista.
27 ta’ Meju 2024
Smigħ 07/2024 Numru 4
Ref: 29/24