TVM - Nuqqas ta' rappurtaġġ - 9 ta' Frar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-PN dwar “skandlu ieħor” fi Transport Malta

 

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-PN dwar “skandlu ieħor” fi Transport Malta, tali rappurtaġġ ixxandar matul il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ nhar id-9 ta’ Frar 2024.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

 

Dr Michael Piccinino rrefera għar-rigid-hull inflatable boats (rhibs) li nxtraw mill-Gvern. Qal li fl-istqarrija tal-PN tad-9 ta’ Frar 2024. Irrefera wkoll għar-risposta tal-Inġ. Charles Dalli datata 14 ta’ Frar 2024 u tenna li l-istqarrija tal-PN kienet tgħid li l-ħaddiema gidbu taħt ġurament u ntalbu jirranġaw xi ċitazzjonijiet. Ikkonkluda li l-ħabi mhux parti mid-diskrezzjoni editorjali u li l-PBS, bl-iskuża tad-diskrezzjoni editorjali, qed toħloq ċensura u li ma kien hemm xejn spekulattiv.

 

Dr Mark Vassallo qal li saru diversi akkużi f’din il-press release u li fit-13 ta’ Frar 2024 kienet saret press conference fejn il-kelliem tal-Oppożizzjoni, s-Sur Darren Carabott kien għadda kummenti li nġiebu mill-PBS. Għamel kuntrast bejn id-9 ta’ Frar 2024 u t-13 ta’ Frar 2024 u qal li anke l-press release ukoll inġiebet ħlief il-parti bl-allegazzjoni. Dr Mark Vassallo qal li filwaqt li l-press conference ħa responsabbiltà tagħha s-Sur Darren Carabott li ħareġ jikkumenta fil-pubbliku, fil-press release ma kien hemm ebda esponent min jieħu responsabbiltà.

 

Dr Michael Piccinino irribatta billi saħaq li hu magħruf li r-responsabbiltà legali tal-Partit hi ben magħrufa u li hija vestita fis-Segretarju Ġenerali. Qal li l-press conference saret fid-dawl li tkeċċa s-CEO tal-Awtorità.

 

Mistoqsi mill-Bord dwar meta jkunu mportanti tali stqarrijiet, Dr Mark Vassallo wieġeb li meta tkun allegazzjoni ta’ natura serjissima jkun iżjed ġust li tikkonferma l-informazzjoni minflok tperriċha fil-pubbliku.

 

Il-Bord għadda sabiex jgħarbel dan l-ilment fid-dawl tal-fatti mressqa, nkluż it-traskrizzjoni tal-bulettini fid-dati msemmija. Madankollu ma sabx raġuni valida l-għaliex għandu jintlaqa’ dan l-ilment.

 

 

 

5 ta’ Marzu 2024

Smigħ 02/2024 Numru 11

Ref: 13/24