TVM - Nuqqas ta' Rappurtaġġ - 17 ta' Lulju 2023




Deċiżjoni dwar ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward in-nuqqas ta' rappurtaġġ dwar il-velja li kienet ser torganizza s-Sinjura Isabelle Bonnici, omm il vittma ta' traġedja Jean Paul Sofia, nhar is-17 ta’ Lulju 2023


L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 15 ta’ Lulju 2023 rigward in-nuqqas ta' rappurtaġġ dwar il-velja li qed torganizza is-Sinjura Isabelle Bonnici, omm il-vittma ta' traġedja Jean Paul Sofia.


F’seduta li nżammet if-17 ta’ Lulju, 2023, għan-nom tal-Partit Nazzjonalista deher is-Segretarju Ġenerali Dr. Michael Piccinino li qal li din il-velja kienet endorsed across the board, b'referenzi wkoll għall-NGOs, il-President ex emeritus Marie-Louise Coleiro kif ukoll l-ex Ministru Evarist Bartolo. Dr. Michael Piccinino sejjaħ bħala ċensura d-deċiżjoni tal-PBS li ma jirrappurtax li kienet qed tiġi organizzata din l-attività.


Il-PBS, rappreżentat minn Dr. Mark Vassallo, Dr. Edward Gatt u l-Inġ. Charles Dalli, l-Editor-in-Chief tal-istazzjon, irrimarka li kien sar u qed isir rappurtaġġ estensiv tat-tema u li dik il lejla stess kien se jkun hemm ukoll filmat estensiv. Dr. Mark Vassallo qal li ma jistax ikun li l-PBS iservi bħala tabella għal kull min irid jieħu mileage politiku li wara kollox kien l-intrigu ta' omm il-vittma s-Sinjura Isabelle Bonnici, inkella jkun qed jippromwovi protesta fuq talba tal-Partit Nazzjonalista.


L-Inġ Dalli kkwota deċiżjoni tad-29 ta' Marzu 2023 (PN vs PBS Ltd rigward in-nuqqas ta' rappurtaġġ tas-sejħa lin-nazzjon għal protesta nazzjonali), liema deċiżjoni tgħid "ir-rappurtaġġ tas-sejħa għal protesta nazzjonali wassal għal reklam politiku u mhux kontenut ta' aħbar". L-Inġ Dalli aċċenna fuq il-kelma "sejħa".


Wara s-smigħ tal-partijiet l-Awtorità għaddiet sabiex tieħu deċiżjoni skond l-argumenti miġjuba miż-żewġ naħat. L-Awtorità tifhem li l-bulettin tal-aħbarijiet għandu jkun jikkonsisti f’aħbar u ġrajjiet kurrenti ġodda u/jew l-iżviluppi tagħhom. Madanakollu, fl-ispirtu ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Awtorità tad-29 ta’ Marzu 2023, l-Awtorità ma tistax tirrikjedi li din is-sejħa għall attività tiġi mxandra. Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li ma tilqax dan l-ilment.


26 ta’ Lulju 2023