L-Awtorità kkunsidrat akkuża tal-Kap Eżekuttiv kontra l-PBS dwar il-programmi Paqpaq Lifestyle tad-19 u s-26 ta’ Ġunju 2014 fejn fiż-żewġ programmi ġie allegat li nkiser l-Artiklu 16K(a) peress li s-servizzi kienu t-tnejn reklamatorji, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru, 2014.
Wara li l-Kap Eżekuttiv għamel is-sottomissjonijiet tiegħu, is-Sur Reuben Zammit, Kap tal-Programmi tal-PBS, qal li l-preżentatur għamel dak li s-soltu jagħmel u li dejjem kien kawt ħafna biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ksur tal-liġi.
Meta ġiet biex tiddeċiedi dwar din l-akkuża, l-Awtorita qieset li kien manifestament ċar li l-akkuża ġiet ippruvata. Meta ġiet biex tiddeċiedi dwar il-penali, l-Awtorità, konformi mal-prassi addottata, minħabba li l-aħħar twiddiba lill-istazzjon fuq dan il-programm kienet ingħatat fl-2010, il-penali kellha tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel waħda u għalhekk minflok l-impożizzjoni ta’ penali kienet ser twiddeb lill-istazzjon biex jassigura li ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ dan il-ksur tal-liġi fil-futur. Din it-twiddiba tittieħed in konsiderazzjoni f’każ li jkun hemm ksur ieħor tal-provvedimenti tal-Liġi Dwar ix-Xandir f’perjodu ta’ sentejn mid-data ta’ din id-deċizzjoni.
Illum 11 ta’ Settembru, 2014