TVM - Popolin - 20 ta' Novembru 2024




Deċiżjoni rigward akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd datata 25 ta’ Novembru rigward il-programm Popolin imxandar fuq TVM tal-20 ta’ Novembru 2024

L-Awtorità kellha akkuża fil-konfront tal-PBS Ltd rigward il-programm Popolin li xxandar fuq TVM fl-20 ta’ Novembru 2024 minħabba li kif spjegat il-Kap Eżekuttiv kien jikser Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir.

F’seduta tal-11 ta’ Diċembru 2024, l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv li qalet li l-programm Popolin tal-20 ta’ Novembru kien jitratta t-turiżmu f’Malta kif kienet ukoll tindika l-caption waqt il-programm iżda qalet li l-preżentatur fl-introduzzjoni tiegħu ta prominenza kbira lill-avveniment SIGMA u deher li l-programm kien relatat ma’ dan l-avveniment u l-impatt li ħalla f’Malta b’referenza wkoll għat-tip ta’ turiżmu f’Malta. Qalet li kien se jitratta partikolarment il-kontroversja dwar it-traffiku li din l-attività ħolqot. Spjegat li hi tħoss li kien hemm żbilanċ l-għaliex il-Ministru ngħaqad virtwalment u kien hemm interventi fl-istudio tax-shadow Minister kif ukoll kelliema oħra, apparti wkoll żewġ sindki ta’ Swieqi u ta’ San Ġiljan li lkoll ikkritikaw lill-Gvern tal-ġurnata. Qalet li l-mod kif kienu komposti l-panels, anke b’differenza ta’ edizzjonijiet oħra tal-istess programm Popolin ikkontribwew għal żbilanċ.

Għas-smigħ dehru wkoll l-Inġ. Charles Dalli u l-Kap Eżekuttiv l-Inġ Keith Chetcuti kif ukoll Dr Mark Vassallo, rappreżentant legali ta’ PBS li ngħaqad b’mod virtwali. Dr Vassallo qabel ma spjega l-każ staqsa lill-Kap Eżekuttiv kienx hemm ilment mill-Partit Laburista dwar dan l-istess programm u jekk ġiex appuntat is-smigħ u kemm fadal żmien biex jiskadi t-terminu ta’ smigħ.

Il-Kap Eżekuttiv wieġbet li kien hemm ilment mill-Partit Laburista iżda wara r-risposta tal-PBS, il-Partit Laburista kien għadu ma talabx għas-smigħ. Qalet li kien fadal madwar tlett ijiem biex jingħalaq it-terminu ta’ 15-il jum mid-data tar-risposta.

Dr Mark Vassallo spjega li meta ssir stedina lill-individwi li jiffurmaw parti mill-partiti politiċi, f’dan il-każ ġie mistieden is-Sur Albert Buttiġieġ, iżda l-Partit Nazzjonalista rriserva d-dritt li jibgħat lil xi ħadd ieħor. Popolin f’dan il-każ stieden lis-Sur Albert Buttiġieġ u minflok il-Partit Nazzjonalista nforma lill-PBS li jista’ jistieden lil Dr Mario De Marco. PBS imbagħad estenda l-istedina lill-Ministru tal-ekonomija Silvio Schembri.  Dr Mark Vassallo qal li l-kummenti tiegħu bħala r-rappreżentant tal-istazzjon qegħdin kollha fit-tweġiba li l-istazzjon ta għall-ilment tal-Partit Laburista li kien diġa intbagħat lill-Awtorità.

Dr Peter Fenech, membru tal-Bord, staqsa għal kjarifika tal-mistednin. Il-Kap Eżekuttiv tat risposti għal dawn u kkonfermat li l-persuni mistiedna li fosthom kien hemm is-Sur Carlo Micallef, is-Sur Andrew Agius Muscat, Dr Mario de Marco, is-Sinjura Marthese Portelli, is-Sur Sergio Mallia, is-Sur Adrian Mizzi u s-Sur Matthew Pace. Kien hemm panel ieħor magħmul fost l-oħrajn mill-Perit David Xuereb u s-sindki tas-Swieqi u San Ġiljan.

Il-Bord ħa nota tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet wara li kemm il-Kap Eżekuttiv kif ukoll ir-rappreżentanti tal-PBS ħallew is-seduta tas-smigħ u qed jilqa’ din l-akkuża. Qiegħed għalhekk, ai termini ta’ Art.41 (4)(a) ta’ Kap.350, iwidddeb lill-istazzjon sabiex ikun iżjed diliġenti fl-għażla tal-panel.

Skont l-Art.41(7) ta’ Kap.350, l-istazzjon qed jiġi ordnat jaqra dan is-sunt li għandu jiġi moqri entro 48 siegħa u jkun kif ġej: 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lil PBS ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) dwar l-Att dwar ix-Xandir, meta fil-programm Popolin tal-20 ta’ Novembru 2024 ġie ravviżat panel mhux bilanċjat li b’riżultat ta’ hekk l-interventi ma kinux bilanċjati f’dan il-programm u ta twissija. Għalhekk wissa lill-istazzjon sabiex ikun iżjed kawt fl-għażliet ta’ panels f’kull programm ta’ dan il-ġeneru” 

 

Ref: 65/01         

21 ta’ Diċembru 2024