TVM - Messaġġ tal-Prim Ministru - 31 ta’ Diċembru, 2015 u 1 ta’ Jannar, 2016




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward il-Messaġġ tal-Prim Ministru imxandar fuq TVM fil-31 ta’ Diċembru, 2015 u fl-1 ta’ Jannar, 2016

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 6 ta’ Jannar 2016 rigward il-Messaġġ tal-Prim Ministru li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali PBS fil-31 ta’ Diċembru 2015 qabel il-bulettin tal-aħbarijiet tat-20:00 u fl-1 ta’ Jannar 2016 wara l-bulettin tal-Aħbarijiet tat-20:00.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Francis Zammit Dimech M.P u lis-Sur Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd., li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Jannar 2016.

Minn naħa tiegħu Dr Francis Zammit Dimech ikkontenda li skont il-Partit Nazzjonalista il-Messaġġ tal-Prim Ministru kien jikkostitwixxi eżerċizzju ta’ propoganda partiġġjana kemm fil-format u kif ukoll fil-kontenut li skont il-Partit ma kienx jixraq f’soċjeta’ demokratika u għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob rimedju immedjat.

Dr Zammit Dimech tenna li taħt il-Kostituzzjoni, l-Awtorità għandha l-obbligu li tara li dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali jew li jirriferixxu għal policy pubblika kurrenti tinżamm imparzjalità xierqa u illi għal dan il-għan il-faċilitajiet u l-ħin ta’ xandir ikunu mqassma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti.

Żied li x-xandira in kwistjoni fil-format tagħha kienet bl-aktar mod deliberat reklam politiku, fejn id-diskussjoni fil-bidu tal-messaġġ kienet scripted u l-familja li dehret, kuntrarjament għall-impressjoni li ngħatat fil-fatt ma kienitx "a working class family". Qal li ai termini tal-ewwel Artiklu tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir reklamar politiku kien ipprojbit sakemm ma jsirx bħala parti minn skema organizzata mill-Awtorità tax-Xandir.

Dr Zammit Dimech irrefera wkoll għall-kontenut u kkontenda li fil-parti l-kbira tiegħu dan kien jitratta issues u materja ta’ kontroversja politika u policy pubblika kurrenti li minn naħa tagħha l-Oppożizzjoni kienet esprimiet ruħha dwarhom. Żied li dan kien imur kontra wkoll il-provvedimenti tal-Att dwar ix-Xandir f’Subartiklu 13(2)(f) li jistipula li għandha tinżamm l-imparzjalità dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti.

Dr Zammit Dimech qal li meta wieħed iħares lejn dak li jsir fir-Renju Unit mill-BBC, wieħed isib li messaġġi mill-Prim Ministru kienu jsiru biss f’każi eċċezzjonali u l-Oppożizzjoni kienet tingħata l-opportunità tesprimi l-pożizzjoni tagħha.

Dr Zammit Dimech qal li f’dan il-każ ma kienx qed jingħad li l-Gvern ma kellux dritt jagħmel messaġġ, pero l-argument kien li l-pubbliku kellu jkollu exposure għaż-żewġ fehmiet. Żied li l-kompitu tal-Awtorità ma kienx li tagħti verdett jekk il-Partit Nazzjonalista kellux raġun iżda li tistabbilixxi jekk fuq l-argumenti trattati fil-messaġġ kienx hemm fehmiet jew opinjonijiet oħra u l-mument li tistabbilixxi li kien hemm żewġ fehmiet allura kien hemm kontroversja u għalhekk kellu jingħata rimedju.

Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS ikkontenda illi dan il-każ ma kienx jitratta xandira Ministerjali. Żied li dan il-fatt kien rifless ukoll f’każ simili li kien tressaq quddiem l-Awtorità fis-17 ta’ Ġunju 2013 u fejn l-Awtorità kienet irrikonoxxiet li l-linji gwida tagħha ma kienux applikabbli fil-każ ta’ Messaġġ mill-Prim Ministru.

Dr Vassallo qal li r-rwol tal-PBS f’dan il-każ kien li jxandar il-messaġġ kif ippreżentat lilu. Żied li stilistikament din il-produzzjoni kienet differenti minn oħrajn li saru qabel, madanakollu kien il-messaġġ li finalment jasal għand il-pubbliku, u f’dan il-każ il-messaġġ kien fuq l-istess linji ta’ oħrajn li saru fil-passat.

Wara li l-Awtorita’ semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-każistika dwar każi simili kkostatat is-segwenti, u ċioe:

  • L-Awtorità tħoss li l-format u l-istil tal-produzzjoni ma jaqax fil-mansjoni tagħha u għalhekk ma kienx il-każ li din tippronunzja ruħha dwar dan l-aspett tal-messaġġ.
  • L-Awtorita’ tifhem ukoll li x-xandir pubbliku għandu l-obbligu li jxandar tali messaġġi mill-Prim Ministru tal-ġurnata. In oltre, huwa rikonoxxut li fil-messaġġ tal-Prim Ministru tal-ewwel tas-sena lin-Nazzjon, dan jagħti ħarsa lejn il-ħidma tal-Gvern fis-sena li tkun għadha kif spiċċat u ħarsa 'l quddiem lejn is-sena il-ġdida. Din hija ukoll xejra li wieħed isib f’messaġġi lin-Nazzjon minn mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej.
  • L-Awtorità tħoss li, f’dan il-każ, il-materja trattata fil-messaġġ in kwistjoni ilha tiġi diskussa fuq il-mezzi tax-xandir pubbliku u li f’dan is-sens il-fehmiet differenti huma magħrufa u twasslu lill-pubbliku b’mod ampju.
  • L-Awtorità rat ukoll id-deċiżjoni tagħha dwar ilment simili imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS Ltd. rigwardanti x-xandira tal-Prim Ministru tas-17 ta’ Gunju, 2013 u li dakinhar l-Awtorità diversament komposta ma laqgħetx l-ilment.

In vista ta’ dan kollu l-Awtorita’ tiddeċiedi li l-ilment ma jirriżultax u għalhekk m’hemmx lok għal rimedju.

Finalment, l-Awtorità irrilevat li fil-passat kienet diġa fasslet linji gwida dwar xandiriet ministerjali. F’ilment ieħor tal-Partit Nazzjonalista sentejn ilu l-Awtorità kienet diġa rrilevat li dawn il-linji gwida ma kienux jipprovdu għall-messaġġi tal-Prim Ministru u qalet li se tippubblika linji gwida aġġornati li jkunu jkopru wkoll il-messagg lin-Nazzjon mill-Prim Ministru. L-Awtorità se tara li dawn il-linji gwida se jsiru f’qasir żmien.

Illum 22 ta’ Jannar, 2016