TVM - Programm speċjali - 4 ta' April 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS, rigward il-programm speċjali mtella’ mill-istazzjon dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta.

 

Permezz ta’ email datata 7 ta’ April 2024, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) Dr Michael Piccinino, ilmenta mal-PBS li matul il-programm tal-4 ta’April 2024 rigward il-ħatra tal-President ta’ Malta,  inħoloq nuqqas ta’ bilanċ u imparzjalità minħabba intervent tal-Kummissarju Helena Dalli. Matul dan l-intervent il-Kummissarju Helena Dalli allegat li l-Oppożizzjoni ma riditx taqbel mal-ħatra ta’ Ministri li kienu parti mill-kabinett ta’ Joseph Muscat. Dr Michael Piccinino qal li dan il-kliem waqt Jum t’Għaqda Nazzjonali, stona għall-aħħar.

L-Inġ. Charles Dalli, Editor-in-Chief, wieġeb nhar l-10 t’April 2024 u spjega li l-istazzjon ried diskussjoni ta’ maturità politika mhux waħda partiġġjana. Madankollu qal li saru rimarki fl-ewwel grupp mill-Prof. Mario Thomas Vassallo li semma’ l-kliem ‘klikka korrotta’. Qal li l-kumment tal-Kummissarju Helena Dalli kien qasir u iżolat f’xandira diretta ta’ sitt sigħat u nofs u li l-istazzjon irrapporta wkoll kummenti li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt l-attività politika tas-7 t’April 2024 dwar l-istess suġġett. L-Inġ. Charles Dalli kkonkluda bl-opinjoni li hu ma kienx qed isib ġustifikazzjoni għall-ilment ta’ Dr Michael Piccinino, għalhekk ma kienx il-każ li l-PN jingħata rimedju.

Dr Michael Piccinino wieġeb li ma kienx sodisfatt bir-risposta tax-xandar u talab għas-smigħ. Matul is-smigħ ta’ nhar it-18 t’April 2024, dehru l-Inġ. Charles Dalli kif ukoll Dr Mark Vassallo għall-PBS, kif ukoll Dr Michael Piccinino għall-PN.

Dr Michael Piccinino qal li fl-4 t’April 2024 inħatret il-President ta’ Malta u bħalma għamel tajjeb il-PBS, organizza diskussjoni dwar din it-tema. Qal li għall-ewwel darba l-President ġiet eletta biż-żewġ terzi skont il-liġijiet ġodda. Kompla li x-xandira ma kinitx tirrifletti l-għaqda nazzjonali l-għaliex nofs in-nies li kien hemm fil-panel kienu eks Deputati tal-Partit Laburista (PL). Qal li Dr Helena Dalli kienet qed tissemma bħala persuna kkunsidrata għall-Presidenza u minkejja dan, il-PBS xorta ħass li kellu jistedinha, għalhekk ma kienx hemm bilanċ fil-panel u li dan deher iżjed ċar meta l-istazzjon ippermetta l-kumment li wassal għal dan l-ilment. Dr Michael Piccinino argumenta li fir-risposta tiegħu, il-PBS ma riedx joħloq partiġġjaniżmu iżda ried diskussjoni matura. Għalhekk, skont hu, isegwi li l-kompożizzjoni tal-panel kienet waħda ħażina. Qal li l-PBS ma jistax iġib skuża b’kumment li ntqal minn xi ħadd fil-panel meta anke l-panel innifsu kien żbilanċjat. Semma wkoll li kieku attenda Dr Tonio Borg, peress li kien mistieden, xorta kien ikun hemm eks Deputat wieħed mill-PN, filwaqt li għall-PL kien ikun hemm tlieta. Hu kkonkluda li l-PBS anqas biss ipprova joħloq bilanċ fil-panel.

Dr Mark Vassallo qal li kien hemm qbil Parlamentari għall-ħatra tal-President. Qal li jekk għall-kummentarju dwar ħatra bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni wieħed se joqgħod iqis l-isfond tal-mistednin, mela allura l-istazzjon irid ikollu miżien u joqgħod jiżen kull mistieden. Hu qal li l-ilment huwa dwar il-kumment li qalet Dr Helena Dalli li kienet mistiedna fil-panel. Dr Mark Vassallo ppreżenta dokument b’messaġġ ta’ Dr Tonio Borg li spjega li ma jistax jattendi. Dwar dan Dr Mark Vassallo qal li l-istazzjon ma kellux mod ieħor ħlief li jipproċedi bix-xandira diretta. Qal li din ix-xandira kienet qed turi avvenimenti nazzjonali u ma kienx hemm l-ebda kontroversja politika dwar is-suġġett trattat.

Dr Mark Vassallo qal li l-istazzjon irrapporta r-reazzjoni tal-PN imxandra mill-Kummissarju Helena Dalli fil-programm meta rrapporta d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u għaldaqstant ħass illi jekk kien hemm każ ta’ żbilanċ, dan ġie indirizzat b’dan ir-rapport. Dwar dan ippreżenta traskrizzjoni tar-rapport tal-aħbarijiet tad-diskors ta’ Dr Bernard Grech. Dwar ir-ribatt tax-xandira diretta, Dr Mark Vassallo qal li t-tema kienet il-ħatra tal-President u mhux waħda politika.

Wara s-smigħ, il-Bord għadda sabiex iwieżen l-argumenti mressqa. Il-Bord innota li l-PBS ġustament xandar dan l-avveniment nazzjonali li kien ta’ aktar minn sitt sigħat. Il-Bord innota wkoll li xi kummenti li saru waqt din ix-xandira diretta mill-Kummissarju Dr Helena Dalli kienu kummenti politiċi kontroversjali. Iħoss li filwaqt li huwa diffiċli biex ikun hemm kontroll mill-istazzjon għall-kummenti li jsiru mill-mistiedna, dawn il-kummenti kien jimmeritahom li l-istazzjon b’xi mod joħloq forma ta’ bilanċ. Filwaqt li l-Bord jifhem ukoll li meta mistieden ma jaċċettax li jattendi għall-programm, ix-xandira trid issir xorta waħda, iżda l-PBS seta’ kien iżjed kawt billi jara li l-mistiedna jkunu bbilanċjati u temi li setgħu jitqiesu kontroversjali jiġu rimedjati fl-istess xandira. Għaldaqstant il-Bord qed jilqa’ l-ilment u qed jidderieġi lill-istazzjon jaqra dan is-sunt:-

 

F’seduta li nżammet fit-18 t’April quddiem l-Awtorità tax-Xandir wara lment li sar mill-Partit Nazzjonalista rigward kummenti mill-Kummissarju Dr Helena Dalli waqt ix-xandira diretta tal-ħatra tal-President ta’ Malta, l-Awtorità kkonkludiet li xi kummenti li ntqalu kienu kummenti politiċi kontroversjali. Minħabba f’hekk dawn it-tip ta’ kummenti kien jimmeritahom xi forma ta’ bilanċ waqt l-istess xandira. Fid-dawl ta’ dan,  l-Awtorità  laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista.

 

 

23 ta’ April 2024

Smigħ 04/2024 Numru 4

Ref: 24/24