L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-Programme Promotion tad-drama Deċeduti tal-14 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafi 1.2 u 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u Smigħ ta’ Programmi għall-Familja, meta waqt l-imsemmi programme promotion li ixxandar fit-8.32 a.m. u qabel id-9.00p.m. il-protagonista tas-sensiela instemgħet tuża l-kelma ‘poxt’.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Carlos Debattista f’isem il-produtturi tas-sensiela u s-Sur Mario Micallef li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta n-nuqqas ta’ sensitivita’ minn naħa tal-istazzjon, ikkontenda li skont hu l-kelma ma kienitx waħda vulgari.
L-Awtorità, ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni in parti tal-istazzjon u ċ-ċirkostanzi tal-każ u ċjoe’ li din il-kelma ixxandret qabel id-9.00p.m., tlissnet minn personaġġ popolari ħafna tas-serje, (liema personaġġ kellu influwenza konsiderevoli fuq it-telespettaturi inkluż dawk ta’ eta’ żgħira), u kif ukoll li l-istazzjon setgħa għażel xena oħra għall-promozzjoni tas-sensiela. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorita’ iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.