TVM - Rappurtaġġ inkjesta maġisterjali Vitals- 26 ta' Mejju 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward TVM News tas-26 ta’ Mejju 2024 rigward l-inkjesta maġisterjali Vitals

 

Permezz ta’ talba urġenti datata 27 ta’ Mejju 2024, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) Dr Michael Piccinino, rrefera għar-rappurtaġġ tal-inkjesta maġisterjali Vitals li xandar PBS u qal li hemm ammont sostanzjali ta' nuqqasijiet fih. Hu sostna li PBS irraporta "l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri kien jaf dwar miżapproprijazzjoni ta’ fondi" però għal raġuni li jafu huma biss naqas jgħid li l-inkjesta qalet li anke Dr Robert Abela kien jaf bil-frodi li kien għaddej. Qal ukoll li filwaqt li PBS semma li Dr Joseph Muscat għamel ċaħda, ma qalx eżatt x'sabet l-inkjesta dwaru minkejja li ssemma mijiet ta' drabi. Qal ukoll li lanqas ma rrapporta li kien hemm nuqqas ta' kooperazzjoni across the board ta' entitajiet pubbliċi, taħt il-Gvern preżenti, mal-Maġistrat fl-investigazzjoni tagħha.

Dr Michael Piccinino żied li minħabba l-importanza ta' dan is-suġġett li qed jiddomina l-kampanja elettorali, qed jintalab smigħ urġenti.

Il-Bord laqa’ din it-talba u skeda dan is-smigħ għal ftit sigħat wara fejn kien diġà skedat jisma’ lmenti ieħor bejn l-istess partijiet.

Għall-PN dehru Dr Michael Piccinino u Dr Paul Borg Olivier filwaqt li għal PBS dehru Dr Mark Vassallo u l-Editor-in-Chief Inġ. Charles Dalli.

Dr Michael Piccinino qal li fis-26 ta’ Mejju 2024,  MaltaToday ppublikat rapport tal-inkjesta maġisterjali. Qal li minkejja li PBS irrapporta dwar dan, l-istess rappurtaġġ ma kienx isemmi li anke Dr Robert Abela kien jaf dwar dak li kien għaddej. Għalhekk jekk dak li qal is-Sur Keith Schembri huwa valur t’aħbar, mela allura kemm iżjed hija valur t’aħbar li Prim Ministru tal-pajjiż kien jaf b’dan? Kompla billi qal li skont l-inkjesta, l-allegazzjoni hi li s-Sur Keith Schembri kien qed jiffroda l-miljuni. Dwar l-ex PM Joseph Muscat, Dr Michael Piccinino qal li PBS għamel ħażin irrapporta dak li kien diġà nġieb qabel.

Dr Paul Borg Olivier żied li hawn jikkonsisti fuq il-valur tal-aħbar u li din kienet li ġiet ippubblikata l-inkjesta u li fiha kien hemm informazzjoni li kienet diġà fid-dominju pubbliku, tant li Dr Joseph Muscat ħass li kellu jagħmel konferenza biex jiskolpa lilu nnifsu mill-pagamenti magħmula minn Accutor. Qal li wieħed jista’ jagħmel diversi programmi dwar din l-inkjesta iżda PBS għażel li jħares lejn l-inqas valur tal-aħbar l-għaliex semma’ lil Keith Schembri u Konrad Mizzi u dan b’mod sintesi li dawn kienu jafu bil-frodi. Kompla li ssemma’ Chris Fearne u Edward Scicluna. Madankollu r-rapport ma qal xejn fuq Dr Joseph Muscat. Staqsa PBS kellux allura jerġa’ jġib l-istess filmat tal-istqarrija tal-Excelsior u jibqa’ ma jikkumentax dwar il-flus li ħa mingħand Accutor kif ukoll dwar l-istruttura sħiħa li ħoloq sabiex jittieħdu l-flus. Hu staqsa jekk il-valur tal-aħbar kienx li jiġi rappurtat l-iżmentita ta’ Joseph Muscat jew dak li ħareġ mill-istess inkjetsa pubblika. Kompla dwar it-tieni valur tal-aħbar li cioè l-Prim Ministru kien jaf b’dan sa mill-2020. Qal li jekk l-inkjesta tista’ tislet minnha valur t’aħbar u mhux qed issemmih, qed allura toħloq nuqqas ta’ bilanċ fl-aħbar, ġaladarba teżisti kontroversja politika. Dr Paul Borg Olivier semma wkoll li skont il-maġistrat kien hemm nuqqas ta’ koperazzjoni minn bosta dipartimenti tal-Gvern u minn Bank of Valletta, li skont hu l-inkjesta kienet tgħid li għalhekk kien hemm dan id-dewmien kollu. Qal li tant kien serju dan li l-maġistrat kellha tagħmel sekwestri saħansitra sabiex id-dipartimenti jikkoperaw.  Huwa għamel referenza minn fol. 1004 li jsemmi l-entitajiet tal-Gvern u jgħid li huma “made it impossible” u “we struggled to obtain accurate information” għall-investigazzjoni. Qal li dan ċertament huwa ta’ valur t’aħbar.

Dr Mark Vassallo rrefera lill-Bord għar-rappurtaġġ ta’ PBS li fih isemmiet l-inkjesta. Qal li dan huwa attribwit ma’ dak li qalet Malta Today u li l-punti li semma’ Dr Paul Borg Olivier huma l-istess li rrappurtat din il-gazzetta. Qal li l-punt tiegħu kien li PBS irrapporta dak li ġie rrappurtat fil-gazzetti u li la darba Malta Today irrappurtat dan, PBS segwa fuqu u rriproduċieh. Għalhekk PBS ma għamlitx l-analiżi hi iżda straħet fuq dak rappurtat mill-Malta Today. Ikkonkluda billi qal li l-aħbar dwar Dr Robert Abela ma kenitx fuq Malta Today u li dak li semma Dr Bernard Grech nfatti nġieb mill-PBS dalgħodu stess. Qal ukoll li PBS qal dak li kien ikkonstatat mill-Malta Today. Hu preżenta kopja tar-rapport.

Dr Michael Piccinino kompla li stazzjon pubbliku li jirċievi miljuni mit-taxxi tal-poplu, straħ kompletament fuq dak li qalet Malta Today. Għalhekk ma setgħetx issir ċaħda li l-istess gazzetta ma nkludietx. Qal li hu jippretendi li PBS tevalwa l-valur tal-aħbar.

Dr Paul Borg Olivier qal li apparti dak ippublikat fuq il-gazzetti, għamlet rapporti wkoll online. Qal li kif għamlu media houses oħrajn, fuq il-verżjoni online daħlet fid-dettall u li kien hemm l-istess inkjesta nkluża. Għamel referenza għal deċiżjonijiet oħra mill-Qrati per eżempju dak li l-Qorti Kostituzzjonali qalet dwar l-inkjesta ta’ Jean Pual Sofia. Dr Mark Vassallo qal li hu ma kienx semma dan. Dr Paul Borg Olivier qal li dan il-każ huwa agħar l-għaliex PBS kien kompletament qed jistrieh fuq dak li ngħad mill-Malta Today. Għalhekk hu kompla li f’kontroversja politika, anke l-Awtorità tax-Xandir stess kienet saħqet li l-elementi mportanti jridu joħorġu. Qal li anke hawnhekk il-PBS qed jinqeda bil-Malta Today biex ikun selettiv u dan meta kellu f’idejh provi mill-inkjesta li tidher online li kienet tippermettilu jmur oltre.

Meta l-partijiet telqu mis-seduta l-Bord iddiskuta dan l-ilment u sab li filwaqt li PBS għandu obbligu jirrapporta ġrajjiet b’valur ta’ aħbar, dan l-obbligu ma kienx mistenni fi żmien daqshekk qasir ta’ ftit sigħat, speċjalment la darba l-Partit Nazzjonalista kien qed jilmenta li l-PBS ma rraportax dettalji mill-inkjesta pubblikata mill-Malta Today nhar is-26 ta’ Mejju 2024, dokument ta’ 1,200 paġna, b’kontenut ta’ portata serja u sensittiva.

Fl-opinjoni tal-Bord, huwa korrett il-PBS meta jgħid li hu ma rraportax il-kontenut tal-inkjesta, iżda rrapporta biss ir-rappurtaġġ ta’ Malta Today tas-26 ta’ Mejju 2024. Għalhekk, fl-aħħar ipotesi, li l-lment tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed intempestiv.

Il-Bord innota wkoll is-sottomissjonijiet tal-PBS meta qal li l-PBS se jkun qed iħejji rappurtaġġi oħra f’dan ir-rigward. 

Għal dawn ir-raġunijiet, filwaqt li l-Bord mhux jilqa’ l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista, qed ifakkar lix-xandar pubbliku jieħu konjizzjoni tal-inkjesta maġisterjali, li m’hemmx dubju għandha valur t’aħbar, qed jiġi mistenni li jirrapporta dan b’mod ġust u akkurat.

 

 

27 ta’ Meju 2024

Smigħ 07/2024 Numru 4

Ref: 31/24