Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista (PN) datat 10 ta’ Lulju 2024 rigward TVM News dwar ix-xhieda tal-Kummissarju tal-istandards
Dan l-ilment tressaq minn Dr Michael Piccinino għan-nom tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward rappurtaġġ tar-rapport tal-Kumissarju tal-Istandards li sab li nkisret l-etika meta ġie mxandar filmat li mhux suppost ġie mxandar.
Preżenti għas-seduta li saret fit-18 ta’ Lulju 2024 quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, kien hemm preżenti s-segretarju ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino. Għal PBS dehru l-Kap tal-Aħbarijiet u Aġent Editur, is-Sur Owen Galea u Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali tal-PBS. Matul is-smigħ, Dr Michael Piccinino qal li ttella’ l-Kummissarju tal-Istandards li fix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar l-istandards, tenna li Dr Robert Abela kiser l-etika permezz ta’ dan il-filmat. Qal li meta imħallef emeritus jgħid rakkont bħal dan jfisser li mhux disputibbli l-valur t’aħbar. Kompla li dak li jingħad taħt ġurament fil-parlament żgur għandu piż kbir.
Dr Michael Piccinino kompla jgħid li l-fatt li l-Kummissarju tal-Istandards xehed taħt ġurament huwa fatt iżda l-PBS għażel li jħalli dan barra mir-rapputaġġ tiegħu.
Dr Mark Vassallo, rappreżentant legali għal PBS, wieġeb li din l-istorja kienet ixxandret fl-10 ta’ Lulju 2024. Dr Michael Piccinino irribatta li l-Inġ. Dalli wieġeb li ma kienx hemm valur t’aħbar. Dr Mark Vassallo qal li PBS irrapporta l-aħbar 3 xhur u nofs qabel, cioè fid-19 ta’ Marzu 2024, fejn dakinhar il-PBS ippubblikat il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Istandards kien sab ksur ta’ etika. Kompla li l-bulettin inkluda l-aħbar fl-10 ta’ Lulju 2024 u li dan ċertament mhux minħabba l-ilment tal-Partit Nazzjonalista (PN) iżda għax kien skedat jagħmel dan.
Dr Michael Piccinino qal li xi ħaġa li għandha valur t’aħbar trid tixxandar dakinhar stess u mhux wara. Wieġeb għal dak li qal Dr Mark Vassallo li l-ħtija kienet li tmur kontra l-etika u cioè l-Prim Ministru kisirx l-etika jew le.
Dr Mark Vassallo rribatta li l-ilment ma kienx fuq dik it-tema.
Wara li l-partijiet ħallew is-seduta l-Bord għadda sabiex jistħarreġ is-sottomissjonijiet.
Il-Bord ikkonferma li x-xandira tassew saret l-għada, l-10 ta’ Lulju 2024, u għal din ir-raġuni ma laqax l-ilment.
2 ta’ Awwissu 2024
Smigħ 10/2024 Numru 6
Ref: 36/24