Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward ir-rappurtaġġ dwar l-abbozz tal-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar il-Klima matul il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ nhar l-4 ta’ Frar 2024
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward ir-rappurtaġġ dwar l-abbozz tal-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar il-Klima matul il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ nhar l-4 ta’ Frar 2024.
Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Dr Michael Piccinino spjega li ma kien hemm ebda intervista jew sound on tape tal-Oppożizzjoni. Kompla li l-vot fil-parlament (it-tieni qari) spiċċa jumejn qabel, cioè meta l-Ministru għamel il-winding up, u l-PBS xandar dan.
L-Inġ. Charles Dalli qabel li s-servizz fuq l-aħbarijiet kien jitratta l-funzjoni tal-Awtorità dwar il-Klima u wieġeb għal mistoqsija li saritlu mill-Avukat Mark Vassallo dwar id-dati ta’ meta l-PN kien irrilaxxa stqarrija dwar it-tema u nġiebet mill-PBS. Qal li d-dati kienu l-31 ta’ Jannar 2024 fejn ngħata rapport fil-Parlament bl-involviment ukoll tal-PN. Fis-7 ta’ Frar 2024 u fis-16 ta’ Frar 2024 kien hemm ukoll intervent mill-PN. Mistoqsi dwar il-pjanijiet ta’ PBS dwar x’se tkun il-pożizzjoni ta’ PBS rigward l-oppożizzjoni fil-ġimgħat li ġejjin, l-Inġ. Charles Dalli qal li se jitkomplew l-istediniet fuq programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u coverages fejn ikun hemm stqarrijiet.
Dr Mark Vassallo qal li wara x-xhieda tal-editur reġistrat, qed jiddikjara li fil-ġimgħat li ġejjin il-PBS se tkun qed torganizza n-numru ta’ programmi ta’ diskussjoni dwar dan is-suġġett li matulhom se jiġu mistiedna kelliema tal-Oppożizzjoni.
Dr Michael Piccinino qal li mill-fatti nħareġ li kien hemm żbilanċ fil-kontenut tax-xandir u li qed issir referenza għall-futur u mhux għal dak li ġara. Qal li l-bilanċ ta’ bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni vis-a-vis il-PL u l-PN mhux jintlaħaq. Għalhekk hemm żbilanċ u mparzjalità. Filwaqt li nġieb il-Ministru ma nġiebx is-shadow minister.
Dr Mark Vassallo nsista li anke l-liġi stess ma tipprevenix rigward in-numru ta’ minuti jew ta’ sound on tapes. Qal li l-veduti tal-PN dwar din it-tema, infatti nġieb diversi drabi wkoll kif diġà ġie msemmi. Qal li issa mhux jiġi diskuss il-ġeneriku iżda li qed isir micro-management. Temm l-intervent tiegħu billi qal li b’dak imxandar diġà kien hemm bilanċ u mparzjalità u b’dak li se jiġi mxandar se jkompli jiġi nfurzat dan.
F’intervent qsajjar, Dr Francis Zammit Dimech esprima li għall-kompletezza s-servizz kien ikun aħjar kieku ttieħdet il-fehma tal-Oppożizzjoni u li ma għandux ikun limitat il-fatt tal-kontroversja politika imma anke ta’ policy pubblika kurrenti.
Wara li l-Bord wieżen il-fatti mressqa u rrefera wkoll għall-kunċetti tal-kontroversja politika u l-policy pubblika kurrenti. Filwaqt li l-elementi tal-imparzjalità dovuta japplika għaż-żewġ kunċetti, jinħass illi din l-applikazzjoni hija iżjed peżanti f’każ ta’ kontroversja politika. F’dan il-każ din it-tema kienet għadha ma daħlitx f’qafas kontroversjali u għalhekk l-immedjatezza ta’ li tagħti l-veduta l-oħra fl-istess feature ftit li xejn seta’ jiġi osservat. Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.
5 ta’ Marzu 2024
Smigħ 02/2024 Numru 10
Ref: 10/24