TVM - Rappurtaġġ fl-Aħbarijiet - 9 ta' Lulju 2024




Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista (PN) datata 10 ta’ Lulju 2024 rigward rappurtaġġ fl-aħbarijiet ta’ TVM tad-9 ta’ Lulju 2024 dwar l-aġir tal-Kunsilliera Laburisti dwar vot għal Sindku ta’ Birkirkara

 

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-aħbarijiet ta’ TVM tad-9 ta’ Lulju 2024 dwar rappurtaġġ tal-każ tal-ħatra tas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara fejn il-PN innomina lis-Sinjura Desiree Grech filwaqt li l-PL innomina lis-Sinjura Yana Debono Grech.

 

Preżenti għas-seduta li saret fit-18 ta’ Lulju 2024 quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir,  kien hemm preżenti s-segretarju ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino. Għal PBS dehru l-Kap tal-Aħbarijiet u Aġent Editur, is-Sur Owen Galea u Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali tal-PBS.

 

Dr Michael Piccinino qal li l-PBS xandar stqarrija tal-Partit Laburista (PL) biex jiġġustifika l-aġir tal-kandidati tiegħu u l-vot dwar is-Sindku, madankollu naqas milli jirraporta dak li qalet is-Sinjura Yana Debono Grech fuq il-mezzi soċjali dwar dak li ġara. Tenna li l-valur tal-aħbar kien il-vot tas-Sinjura Yana Debono Grech u dan għax ma mxietx mal-linja tal-partit. Qal li dakinhar PBS xandar biss stqarrija tal-PL. Fid-dawl ta’ dan, Dr Michael Piccinino qal li kellu jittieħed kumment tas-sindku. Qal li madankollu ma ttieħed l-ebda kumment mis-sindku u anqas dikjarazzjonijiet li għamlet is-Sinjura Yana Debono Grech.

 

Dr  Michael Piccinino spjega li minkejja li dawn kienu kummenti fuq il-midja soċjali xorta waħda kien jimmeritahom li jiġu rrapurtati avolja kienu kummenti miktuba fuq facebook.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb dwar x’kellha tkun il-valur tal-aħbar u li sta għall-editur li qiegħed hemm biex jiddeċiedi dwar il-valur tal-aħbar. Il-valur tal-aħbar kien li s-sindku nħatret għal tliet xhur. Dr Mark Vassallo qara wkoll partijiet mit-traskrizzjoni fejn issemma wkoll il-fatt li s-Sinjura Yana Debono Grech ivvutat kontra l-partit tagħha u dan ġie rrapurtat saħansitra fl-ewwel paragrafu tar-rapport. Dr Mark Vassallo stieden lill-Bord isegwi x’ġara waqt il-laqgħa l-għaliex is-Sinjura Yana Debono Grech ma qalet xejn ħlief li vvutat kontra l-partit. Qal li sadanittant il-PL ħareġ stqarrija filwaqt li l-PN ma ħareġ xejn. Ikkonkluda li meta l-PN għamel stqarrijiet dwar sindki oħra, dawn ġew irrappurtati iżda kkummenta li l-PN ma kienx ħareġ stqarrija.

 

Dr Michael Piccinino kkwota diversi ġurnali li qablu dwar il-valur ta’ aħbar, ħlief PBS. Ammetta li l-PN ma ħariġx stqarrija dwar dan, madankollu tenna li ma ġiex ilmentat dan il-fatt. Qal li mkien fl-ilment tal-PN ma qal li ma xxandritx l-istqarrija tal-PN iżda anzi li b’mod ħolistiku ma xxandritx l-istorja kollha. La darba, skont PBS, kienet importanti l-ħatra tas-sindku, mela allura kellhom jixxandru kollha.  

  

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord iddiskuta dan l-ilment. 

 

Il-Bord irrefera għat-traskrizzjonijiet fejn ħass li jirriżulta li l-aħbar ingħatat mill-PBS b’mod sħiħ u li ġie rrappurtat ukoll il-fatt li s-Sinjura Yana Debono Grech ma mxietx mad-direzzjoni li kien talab il-Partit Laburista. Għaldaqstant il-Bord ma laqax l-ilment.  

 

 

 

2 ta’ Awwissu 2024

Smigħ 10/2024 Numru 7

Ref: 37/24