Ilment tas-Sur Glenn Bedingfield, Membru tal-Parlament Ewropew, dwar Intervista li kienet saritlu għall-programm Reporter li jixxandar fuq TVM
L-Awtorità tax-Xandir irċeviet ilment mingħand is-Sur Glenn Bedingfield, Membru tal-Parlament Ewropew, permezz ta’ ittra datata 6 ta’ Jannar 2009 dwar il-fatt li wara li f’Diċembru 2008 kien ġie intervistat għall-programm Reporter li jixxandar fuq Television Malta u li jitħejja għall-istazzjon minn produttur indipendenti, l-istazzjon kien iddeċieda li din l-intervista ma kellhiex tixxandar. Fl-opinjoni tas-Sur Bedingfield, id-deċiżjoni tal-istazzjon kienet tikkostitwixxi forma ta’ ċensura minħabba l-opinjonijiet li kien esprima f’dik l-intervista.
L-Awtorità semgħet dan l-ilment f’seduta li saret fis-17 ta’ Frar 2009 meta s-Sur Bedingfield, peress li kien imsiefer fuq xogħol tal-Parlament Ewropew, kien rappreżentat mis-Sur Mario Cutajar, waqt li l-istazzjon TVM kien rappreżentat minn Dr. Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd.
Iż-żewġ partijiet, fis-sottomissjonijiet tagħhom, kemm dawk verbali u bil-miktub, qajmu numru ta’ punti, fosthom dawk li jidhru hawn taħt:
- L-istazzjon sostna li d-deċiżjoni li ma tixxandarx l-intervista kienet konsistenti mal-politika editorjali li kienet addottat il-PBS dwar it-trattament ta’ membri tal-Parlament Ewropew u ta’ kandidati għall-elezzjonijiet li jmiss għall-Parlament Ewropew, għalkemm l-istazzjon ammetta li meta ttieħdet id-deċiżjoni li ma tixxandarx l-intervista, il-politika editorjali in kwistjoni kienet fi stadju ta’ preparazzjoni. Skond din il-politika, fil-każ partikolari tal-programm ‘Reporter’ u minħabba n-natura tal-programm, m’għandhomx jittellgħu intervisti ma’ membri tal-Parlament Ewropew jew ma’ kandidati prospettivi għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. L-istazzjon spjega ukoll li, fil-fatt, minn meta bdiet l-iskeda kurrenti f’Ottubru 2008, fil-programm ‘Reporter’ ma kienet ittellgħet l-ebda intervista ma’ xi membru tal-Parlament Ewropew jew ma’ xi kandidat prospettiv.
- Min-naħa tiegħu, is-Sur Bedingfield u r-rappreżentant tiegħu sostnew li l-intervista li kienet saritlu għall-programm ‘Reporter’ kienet saret fil-kuntest li kien għadu kif inħatar bħala Membru ġdid tal-Parlament Ewropew u mhux f’kuntest ta’ kandidat prospettiv għall-elezzjonijiet in kwistjoni, li apparti dan ma setgħax jingħad li l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kienet diġà bdiet meta kellha tixxandar l-intervista u li għalhekk id-deċiżjoni tal-PBS ma kienet xejn ħlief forma ta’ ċensura minħabba l-opinjonijiet li kien esprima waqt l-istess intervista.
Wara li xtarret il-punti kollha li tqajjmu mill-partijiet in kwistjoni, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet li jsegwu:
- Kien ikun ħafna aktar xieraq li kieku l-PBS addottat il-politika editorjali in kwistjoni fil-bidu tal-iskeda kurrenti, il-għaliex b’hekk kien jiġi eliminat kull dubbju li jista’ jkun hemm li d-deċiżjoni li ma tixxandarx l-intervista mas-Sur Bedingfield setgħet kienet immotivata minn xi konsiderazzjoni ulterjuri
- B’danakollu, l-Awtorità tħoss li d-deċiżjoni li ħadet il-PS li taddotta politika editorjali speċifika dwar it-trattament ta’ Membri tal-Parlament Ewropew u ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’dawn ix-xhur ta’ qabel l-elezzjonijiet kienet waħda għaqlija u pożittiva. Fil-fatt, l-Awtorità tax-Xandir, għalkemm għamlet xi suġġerimenti dwar din il-politika editorjali, laqgħet din l-inizjattiva b’sodisfazzjon u f’dawn iċ-ċirkostanzi ma tħossx li għandha tipprovdi r-rimedju mitlub mis-Sur Bedingfield u ċjoé li l-intervista għandha tixxandar.
- Naturalment, l-Awtorità tax-Xandir issa tistenna li din il-politika editorjali tiġi osservata bir-reqqa.
20 ta’ Frar 2009