L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Reporter li xxandar fit-23 ta’ Diċembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta jirriżulta li kien ta’ element pubbliċitarju għal tliet ristoranti u l-kontenut tal-programm kien jikkostitwixxi reklamar b’ħabi.
Is-Sur Reno Bugeja qal li wieħed ried iżomm f’moħħu li dan il-programm ixxandar jumejn qabel il-Milied meta ħadd ma jkun irid jisma’ b’kontroversja politika. Żied li l-għażla tas-suġġett u l-mistiedna kienet influwenzata mill-fatt li proprju xi jiem qabel kien għadu kif ġie ppubblikat id-Definitively Good Guide u l-produtturi ħasbu biex jistiednu lit-tliet chefs/sidien tar-ristoranti li kklassifikaw fl-ewwel tliet postijiet f’dawn l-Awards. Żied li ma kienitx l-intenzjoni tal-istazzjon li jagħti xi vantaġġ kummerċjali lir-ristoranti in kwistjoni.
Minn naħa tiegħu is-Sur Saviour Balzan filwaqt li issottolineja l-fatt li dan il-programm kellu jkun wieħed pjuttost leġġer addattat għaż-żmien tas-sena, qal li minn naħa tiegħu, qabel il-programm huwa kien ġibed l-attenzjoni tal-mistednin għal kummenti li setgħu jikkostitwixxu reklamar. Żied li l-mistiedna ma kienux komdi quddiem il-camera u ħafna drabi kellu jagħmel sforz biex dawn jitkellmu.
Is-Sur Balzan saħaq u ddikkjara li l-programm ma kellu l-ebda konnessjoni kummerċjali mal-istabbilimenti in kwistjoni u saħansitra dawn ma kienux sponsors tal-programm jew reklamaturi fl-istess.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż tal-istazzjon u tal-produttur u wara li ddiskutiet il-kontenut tal-programm u kif ukoll il-problema marbuta mad-definizzjoni ta’ reklamar b’ħabi hekk kif riflessa fil-liġi qablet li l-akkuża ta’ ksur tal-Artiklu 16 K(a) tal-Liġi tax-Xandir ma ġietx ppruvata u għalhekk illiberat lill-istazzjon mill-akkuża kontrih.
Illum 22 t’April, 2014