L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Reporter (Ripetizzjonijiet) li xxandru fit-30 ta’ Diċembru, 2014 u fis-6 ta’ Jannar, 2015 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 2.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.24 (Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku) meta waqt din l-edizzjoni xxandru reklami (split-screen) ta’ prodotti alkoħoliċi.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Saviour Balzan għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-27 ta’Jannar, 2015.
Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef qal li dan kien każ fejn is-sistema ta’ quality control imħaddma mill-istazzjon ma ffunzjonatx kif suppost u r-reklam għall-prodotti alkoliċi preżenti fl-edizzjoni oriġinali tal-programm ma ġiex identifikat u irtirat fir-ripetizzjoni li xxandret f’ħin li fiħ tali reklami huma pprojbit.
Minn naħa tiegħu s-Sur Saviour Balzan qal li huwa bħala produttur u preżentatur tal-programm, ma kienx f’pożizzjoni jikkontrolla x’reklami kienu jixxandru u wisq aktar ma setgħax iżomm kont tal-ħinijiet. Żied li huwa kien responsabbli mill-kontenut u l-preokkupazzjoni tiegħu kienet li jirnexxielu jippreżenta programmi nteressanti għat-telespetturi. Huwa spjega li fil-programm tiegħu mhux soltu li jidhru reklami ta’ prodotti alkoliċi u fil-każ in kwistjoni dan ir-reklam ġie nserit minħabba li ma setgħax jiġi imxandar fi programm ieħor mill-istess dar tal-produzzjoni, peress li l-programm ma xxandarx minħabba xi tibdil fl-iskeda matul il-ġimgħa ta’ qabel il-Milied. Żied li l-imsemmi reklam jiddaħħal fil-programm Reporter biex jiġi onorat il-ftehim mal-aġenzija tar-reklamar, u fakkar li l-programm oriġinarjament jixxandar f’ħin li tali reklam ma jikser l-ebda liġi.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet inkluż tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon, u irriteniet u ħasset li kellha tiddikjara li kien evidenti li l-ksur tal-liġi f’dan il-każ kien responsabbiltà unika u esklussiva tal-istazzjon u mhux tal-produttur tal-programm għax finalment l-istazzjon huwa responsabbli għal dak li jiġi mxandar. In oltre l-Awtorità filwaqt li ssottolineat il-preokkupazzjoni tagħha fil-każ ta’ nuqqasijiet ta’ dan it-tip iddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ tali akkuża, kienet qed twiddeb lill-istazzjon biex jieħu l-passi kollha meħtieġa biex tali ksur ma jirrepetix ruħu.
4 ta’Frar,