TVM - Sibtek 11,18, 25 April u 9, 15 Mejju 2020




Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd, rigward il-programm Sibtek

li xxandar is-Sibt 11, 18, 25 ta’ April, u fid-9 u s-16 ta’ Mejju 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Sibtek li xxandar fuq TVM is-Sibt 11, 18, 25 ta’ April, u fid-9 u s-16 ta’ Mejju 2020, fejn ġie allegat, kif inhu indikat fit-tabelli, li matul dawn l-edizzjonijiet kien hemm ksur ta’ 12-il minuta reklamar f’siegħa orarja.  Dan jikser Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li jistipula li l-massimu ta’ reklami f’kull siegħa għandu jkun 12-il minuta. 

Fl-edizzjoni tal-11 ta’ April bejn is-13:00 sas-14:00 kien hemm 16-il minuta u 16-il sekonda;

Fl-edizzjoni tat-18 ta’ April bejn is-13:00 sas-14:00 kien hemm 17-il minuta u 13-il sekonda;

Fl-edizzjoni tal-25 t’April bejn is-13:00 u sas-14:00 kien hemm 17-il minuta u 50 sekonda;

Fl-edizzjoni tal-25 t’April bejn it-15:00 u l-16:00 kien hemm 14-il minuta u 44 sekonda;

Fl-edizzjoni tad-9 ta’ Mejju bejn is-13:00 u s-14:00 kien hemm 17-il minuta u 34 sekonda;

Fl-edizzjoni tas-16 ta’ Mejju bejn is-13:00 u s-14:00 kien hemm 15-il minuta u 50 sekonda.

Fl-edizzjoni tas-16 ta’ Mejju bejn it-15:00 u l-16:00 kien hemm14-il minuta u 36 sekonda; 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u lis-Sinjuri Reno Bugeja, Mario Micallef u l-Avukat Shaun Zammit f’isem PBS Ltd, u Ryan Borg f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-8 ta’ Lulju 2020. 

Is-sur Mario Micallef irrimarka li l-ksur li l-istazzjon ġie akkużat bihom kienu qegħdin hemmhekk u inutli tinnegahom. Talab lill-Awtorità biex tikkunsidra ċ-ċirkostanzi straordinarji li ħadmu fihom waqt il-perjodu tal-COVID-19. Is-sur Micallef u s-sur Ryan Borg qalu li ma kellhomx kontroll fuq l-islots ta’ Profs Gauci dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19, li kienu jixxandru ta’ kuljum u li dawn il-konferenzi ma kinux marbuta ma’ ħin fiss u għalhekk kellhom jadattaw il-ħin tal-iskedar tal-programm Sibtek. 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata. L-Awtorità qalet li kieku kienet okkażjoni waħda jew tnejn seta’ kien hemm klemenza imma dan mhux il-każ meta hemm seba’ każijiet. Għaldaqstant L-Awtorità tifhem li minkejja li kien hemm diffikultà fiċ-ċirkostanzi, ma tistax taċċetta li ma kienx hemm rimedju f’seba’ okkażjonijiet u qablet li kellha timponi penali ta’ €1,160, liema penali kellha titħallas fi żmien 60 ġurnata.

 

Illum 20 ta’ Lulju, 2020