L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programmi Sibtek li xxandru fil-15 ta’ Novembru 2014 u s-6 ta’ Diċembru, 2014 u fis-6 ta’ Jannar, 2015 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir minħabba li l-irkejjen bl-isem ta’ VIP Lounge huma ntiżi biex jagħtu pubbliċità lir-Restaurant bl-isem ta’ Aroma Restaurant li jinsab Tas-Sliema.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjuri Mario Micallef u lil Ms Theresa Zahra li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sinjuri Ryan Borg u Josmar Pace f’isem u in rappreżentanza tal-produtturi f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Jannar, 2015.
Minn naħa tiegħu s-Sur Borg qal li huwa dejjem mexa id f’id mal-uffiċjali tal-Awtorità u dejjem segwa b’mod rigoruż id-direzzjoni li ngħata. Żied li l-irkejjen in kwistjoni kienu imsawwrin madwar logħba għal personalitajiet li jkunu mistiedna fil-programm, u r-regolamenti f’dan is-sens kienu jiġu rispettati, u fl-istess irkejjen ma ħassx li kien hemm riferenza eċċessiva għar-ristorant.
Is-Sur Borg qal li r-rokna in kwistjoni l-anqas ma setgħet tiġi kkunsidrat bħala reklamar b’ħabi minħabba li għat-telespettur kien evidenti li dik il-parti tal-programm ma kienetx qed issir f’ristorant u l-backdrop użata kienet biss xena tal-baħar u ma kienet tidher l-ebda riferenza għall-isem tar-ristorant. Żied li l-użu tar-rokna fil-programm f’ambjent ta’ ristorant kienet purament għażla teknika sabiex ikun hemm varjazzjoni fix-xenarju użat minħabba t-tul tal-programm.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża ma kienitx tissussisti u għaldaqstant ma kellhiex tipproċedi ulterjoralment kontra l-istazzjon.
4 ta’ Frar, 2015