L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Sibtek li xxandar fis-16 ta’ Ġunju, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta fis-16 ta’ Ġunju 2012 bejn is-2pm u t-3pm l-istazzjon xandar total ta’ 14-il minuta u 22 sekonda ta’ reklamar filwaqt li fis-siegħa ta’ wara (bejn it-3pm u l-4pm) ixxandru total ta’ 13-il minuta u 26 sekonda ta’ reklamar.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Mario Micallef għan-nom tal-istazzjon u Ryan Borg f’isem il-produzzjoni li kien imsejjaħ bħala xhud f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Lulju, 2012.
Min naħa tiegħu s-Sur Micallef qal li l-ksur tal-liġi kien irriżulta minħabba li l-bulettin tal-aħbarijiet li kien ixxandar qabel il-programm kien dam aktar milli ppjanat u għalhekk l-iskeda inkluż ir-reklamar kienet ġiet modifikata bir-riżultat li l-ħin allokat għar-reklamar f’siegħa orarja inqabeż.
Is-Sur Ryan Borg irrileva li bħala produttur tal-programm kien dejjem iżomm kontroll akkurat tar-reklamar kollu abbinat mal-programm u dan sabiex jassikura t-tħaris tal-liġi.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet irrilevat illi minkejja l-prekawzjonijiet li kien ħa l-produttur, f’dan il-każ, kien evidenti li l-istazzjon ma ħax il-kawtela meħtieġa biex ma tinkisirx il-liġi, u in vista ta’ dan iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,160 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika.
26 ta' Lulju 2012