Deċiżjoni fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Sibtek li xxandar fuq TVM fl-20 ta’ Marzu 2021
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Sibtek li xxandar fl-20 ta’ Marzu fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K (a) u Artiklu 16M (3) (b) tal-Att dwar ix-Xandir kif ukoll ksur ta’ Paragrafu 3.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.22 Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premijiet.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv li ressqet l-akkuża u lis-Sinjura Norma Saliba, Ryan Borg u Josmar Farrugia u Dr Ishmael Psaila in rappreżentanza tal-istazzjon li kienu b’mod virtwali f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Ġunju.
L-akkuża li tressqet fil-konfront ta’ Sibtek kienet dwar prominenza mhux dovuta għal ditta tal-kafè minħabba li għal ħin twil dehret il-magna tal-kafè bit-tazzi u l-kapsuli bil-brand Nescafè Dolce Gusto. Din dehret fl-isfond matul intervista sħiħa li saret waqt il-programm. Dan wassal għal ksur ta’ Artiklu 16M (3) (b) tal-Att dwar ix-Xandir.
F’parti oħra mill-programm, il-kopreżentatur tella’ logħba minn ħdejn din l-istess magna tal-kafè u l-logħba kienet tikkonsisti bil-mistieden jaqta’ liema waħda mit-tipi differenti ta’ kapsuli kienet intużat. Il-logħba kienet qed iddur mad-ditta tal-kafè u fil-fatt inxteħet dawl fuq it-tipi differenti ta’ xarbiet tal-kafè li jeżistu ta’ din id-ditta. Għaldaqstant din il-logħba xxandret bi ksur ta’ Paragrafu 3.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.22 minbarra li kien hemm prominenza mhux dovuta tal-prodott.
Il-programm kellu akkuża oħra minħabba li fl-istess programm ittellgħet logħba tal-Moda Challenge fejn inħolqot assoċjazzjoni bejn il-preżentazzjoni tal-logħba u l-istabbiliment Centro Moda kemm minħabba li d-ditta kienet qed tidher fuq il-maskri milbusa kif ukoll fuq it-tags u spallieri tal-ħanut. Barra minn hekk waqt li l-preżentatur fakkar fil-kompetizzjonijiet assoċja l-isem tal-istabbiliment mal-logħba Moda Challenge. Għaldaqstant seħħ ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir.
Min-naħa tiegħu s-Sur Josmar Farrugia spjega li qatt ma sar iffukar fuq il-logo waqt il-logħba Moda Challenge u rrimarka li fl-ebda ħin ma dehru ditti tal-ħwejjeġ u qal li l-ħwejjeġ li dehru setgħu jinxtraw minn stabbilimenti oħra. Qal ukoll li wara li ntbagħtet l-akkuża, il-produtturi għamlu t-tibdiliet li kien hemm bżonn biex jaderixxu mal-liġi.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u sabet lill-istazzjon ħati in parti. Fir-rigward tal-logħba tal-kafè u tal-magna u d-ditta tal-kafè, l-istazzjon jinstab ħati li kiser Artiklu 16M (3) (b) u jeħel multa ta’ €3,490 u ħati ta’ ksur ta’ Paragrafu 3.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.22 Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premijiet. Fir-rigward tal-logħba l-oħra l-Awtorità ma sabitx lill-istazzjon ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir.
15 ta’ Ġunju 2021