TVM - Skjetti - 22 t’Ottubru, 2017




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Skjetti li xxandar fuq TVM fit-22 t’ottubru, 2017

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. dwar il-programm Skjetti li xxandar fit-22 t’Ottubru fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir meta din l-edizzjoni trattat il-każ tal-“qtil brutali” ta’ Daphne Caruana Galizia, suġġett li, bla dubju, huwa meqjus ta’ ġrajjiet kurrenti u fl-istess waqt l-istess edizzjoni kienet sponsorjata.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Quinton Scerri produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru, 2017.

Is-Sur Micallef u s-Sur Scerri filwaqt li ammettew l-akkuża stqarrew li s-suġġett tal-programm kien inbidel minn dak previst u dan biex jitratta l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li f’dak il-mument kien ta’ importanza nazzjonali. Żiedu li bi żvista ma kienx inbidel il-pakkett ta’ reklami u sponsorship li kien previst oriġinarjament u dan irriżulta fi ksur tal-liġi. Is-Sur Micallef qal li dan l-aġir ma kienx intenzjonat u kien seħħ f’ċirkostanzi partikolari.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1750. L-Awtorità qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ din id-deċiżjoni kellha tkun sospiża għal sena mid-data tan-notifika.

Illum 2 ta’ Jannar, 2018