TVM - Sound on Tapes fl-Aħbarijiet - 1 ta' Frar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) kontra PBS, nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Frar 2024 dwar sound on tapes (“SOT”) li jixxandru fl-aħbarijiet, originarjament dwar il-bullettin tal-1 ta’ Frar 2024.

 

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq minn Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-PN, nhar it-2 ta’ Frar 2024. Dan l-ilment kien indirizzat lill-Inġ. Charles Dalli, editor-in-chief tal-Public Broadcasting Services (“PBS”).

 

F’dan l-ilment Dr Michael Piccinino ssottometta li kien hemm żbilanċ fis-sound on tapes bejn dawk meħuda minn rappreżentanti tal-Gvern, inkluż nies politikament appuntati, u dawk tal-Oppożizzjoni. Oriġinarjament dan l-ilment kien imressaq minħabba intervista mal-Ministru Owen Bonnici rigward il-Eurovision Song Contest.

 

Għal dan l-ilment ġew skedati żewġ seduti, bl-ewwel waħda organizzata nhar it-22 ta’ Frar 2024 u t-tieni skedata għall-14 ta’ Marzu 2024. Għaż-żewġ seduti dehru Dr Michael Piccinino u l-Avukat Francis Zammit Dimech għan-nom tal-PN, filwaqt li għal PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli u l-Avukat Mark Vassallo.

 

Matul l-ewwel seduta tat-22 ta’ Frar 2024, Dr Michael Piccinino talab lill-Bord sabiex tordna lill-Awtorità tressaq persuna mill-monitoraġġ sabiex tippreżenta statistika dwar sound on tape minn Marzu tal-2023 ‘il quddiem. Iċ-Chairman qal li l-Bord kien diġà wieġeb għal din ir-rikjesta u filwaqt li l-PN kien mistenni jressaq il-provi tiegħu sabiex jissustanzja l-ilment tiegħu, il-Bord kien ukoll iggwida lil PBS sabiex iġib miegħu l-istatistika mitluba. Qal ukoll li l-Awtorità kienet ġiet rikjesta tiġbor l-istess statistika għal skop komparattiv mill-istess Bord.

 

Matul l-ewwel seduta Dr Michael Piccinino qal li hu ma kellux prova u li t-trattazzjoni tal-argument kien jiddependi fuq l-istatistika li kien talab lill-Awtorità. Hu saħaq li l-argumentazzjoni u l-provi ta’ dan l-ilment joħorġu mill-evidenza partikolari li għandha tingħata mill-Awtorità. Qal li d-dritt tas-sors tal-informazzjoni hija l-għażla ta’ min jilmenta u allura kien qed jisħaq li jingħata statistika numerika ta’ sound on tape mogħtija min-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni. Qal ukoll li hemmx kontroversja politika jew le fuq ċerti sound on tape hija tema suġġettiva u li t-talba trid tiġi milqugħa jew miċħuda.

 

Dr Mark Vassallo għadda l-informazzjoni rikjesta lil Dr Michael Piccinino, madankollu Dr Michael Piccinino baqa’ jinsisti li l-Bord kellu jaċċetta t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex l-Awtorità tgħaddi l-informazzjoni. Iċ-Chairman fakkru li d-deċiżjoni preċedenti tal-Bord tibqa’ tapplika u talab lill-partijiet jallontanaw għal ftit minuti. Meta kompla s-smigħ, Dr Francis Zammit Dimech issolleva li l-obbligu tal-Awtorità mhux biss li tħares lejn l-imparzjalità u kontroversja politika iżda din għandha wkoll tinkludi il-policy pubblika kurrenti  u allura kull indaġini minn naħa tagħha li tipprova tillimita jekk kienx hemm kontroversja politika u jekk din tirrispekkjax dak li tipprovdi għalih il-Kostituzzjoni. Qal ukoll li Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jesiġi tqassim ġust ta’ faċilitajiet bejn persuni ta’ partiti politiċi differenti.

 

Iċ-Chairman laqa’ r-rikjesta tax-xandar għal differiment peress li l-ilment kien inbidel għal wieħed wisq ġeneriku u għalhekk il-PBS kellu jipprepara d-difiża tiegħu.

 

Matul it-tieni seduta tal-14 ta’ Marzu 2024, Dr Mark Vassallo informa lill-Bord li l-istatistika provduta ġiet imperrċa pubblikament qabel ġie konkluż dan l-ilment.

 

Dr Michael Piccinino argumenta li l-ilment huwa fuq bilanċ fejn jidħlu SOTs bejn il-Gvern u l-PN bħala l-Oppożizzjoni. Irrefera għad-data tad-29 ta’ Marzu 2023 u semma li din kienet id-data meta l-istess Awtorità ħadet deċiżjoni dwar l-istess tema. Preżenta statistika, meħuda minn dik preżentata minn PBS fis-seduta preċedenti u kompla billi qara siltiet mill-ilment oriġinali, fejn ikkonkluda b’referenza għall-istatistika preżentata minn PBS li skont il-kalkolu tiegħu kienet tindika 351 SOT għall-kelliema tal-Gvern u 27 għall-Oppożizzjoni. Qal li filwaqt li l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir iggwida lix-xandar sabiex josserva l-element tal-bilanċ, f’deċiżjoni fit-23 t’Awwissu tal-2022 u oħra fid-29 ta’ Marzu tat-2023, ix-xandar baqa’ jikser din il-gwida. Dr Michael Piccinino spjega wkoll li t-total indikat kien jeskludi kapijiet eżekuttivi, iżda kien jinkludi wkoll lil Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru.

 

Fil-kumment qasir tiegħu, Dr Francis Zammit Dimech stqarr li dan huwa d-distakk minimu li hemm bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Spjega li minimu għax ma ġewx ikkunsidrati sindki, CEOs, Membri Parlamentari Ewropej u persuni oħra. Qal li l-PN qed jitlob lill-Bord jinforza d-deċiżjonijiet li hu stess qed jagħti inkwantu n-numru ta’ SOTs, l-għaliex kien fit-triq it-tajba. Għamel ukoll referenza għall-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta bħalma kien għamel fl-ewwel seduta. Dr Francis Zammit Dimech irrefera għal stazzjonijiet barranin u qal li hija xi ħaġa anakronistika li tittieħed pożizzjoni tal-Ministru biss bla ma tittieħed dik tal-Oppożizzjoni. Appella lill-Awtorità sabiex tieħu azzjoni hi stess minn monitoraġġ regolari sabiex dawn id-distakki jiġu regolati għax skont hu l-istatistika ma tirriflettix dak mistenni f’soċjetà demokratika.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb għar-referenzi dwar Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u cioè l-imparzjalità u l-bilanċ. Qal li l-liġi titlob li t-tqassim tal-ħin ikun “b’mod xieraq” bejn partiti politiċi differenti u li wieħed ma jridx jinsa li meta dan l-artiklu kien introdott fil-Kostituzzjoni, kien hemm stazzjon wieħed biss, li kien ix-xandir pubbliku. Qal li llum hemm stazzjonijiet oħra iżda l-enfasi tal-bilanċ donnu teżisti għal PBS biss inkwantu persuni ta’ partiti politiċi differenti. Qal li meta wieħed jara l-figuri tal-istatistika, jinħasad għall-ewwel. Iżda bħalma l-figuri ċirkostanzjali jqarrqu u jaħsdu, kif jista’ jidher f’dan il-każ, trid madankollu ssir analiżi ta’ dawn l-SOTs. Kompla li x-xandir mhux ibbażat biss fuq SOTs u li anzi, dawn huma parti żgħira mix-xandir ta’ madwar 3 sa 5 fil-mija tal-aħbarijiet. Semma li meta l-istazzjon jirċievi stqarrija, din ikollha tinġieb u l-istess aġir qed jiġi mistenni dwar  l-SOTs ukoll issa. Skont hu, dan ir-raġunament ibiddel l-aħbarijiet f’ ‘bulletin board’. Dr Mark Vassallo qara wkoll temi ta’ diversi SOTs, fejn ma kenitx teżisti kontroversja politika dwarhom u anqas ma jagħmel sens li tittieħed il-veduta l-oħra għalihom. Dr Mark Vassallo semma wkoll li l-eżerċizzju li qed isir hawn huwa dwar teżistix kontroversja. Fejn din teżisti, wieħed jistaqsi jekk intlaħaqx il-bilanċ mill-istess xandar. Ikkonkluda billi qal li t-telespetattur komuni mhux neċessarjament jifhem x’inhuma SOTs. Qal li m’humiex l-unika mezz biex jintlaħaq bilanċ u li minn dejjem kien hemm konċentrazzjoni ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern fuq l-aħbarijiet. Temm billi qal li bilfors se jkun hemm żbilanċ u staqsa kif jista’ jkun toħloq bilanċ bejn dak li qed jgħid il-Gvern u dak li jgħidu nies minn partiti oħra.

 

Dr Mark Vassallo għamel referenza wkoll għal Artiklu 13 ta’ Kap. 350 u qal li dan jirreferi għall-faċilitajiet u mhux għall-SOTs, fejn il-bilanċ jintlaħaq permezz ta’ kull xandira u mhux mill-SOTs biss. Qal li skont l-istess liġi l-bilanċ irid ikun “xieraq” u mhux “numeriku”.

 

Dr Michael Piccinino wieġeb li l-Qorti Kostituzzjonali diġà kienet ikkonkludiet li l-bilanċ irid ikun bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Semma diversi eżempji fejn kien hemm SOTs fuq kontroversja politika, nkluż il-baġit, fejn ma kienx hemm SOTs meħuda mill-Oppożizzjoni. Qal li minn Marzu 2023 sal-10 ta’ Novembru 2023, kien hemm 14 -il SOT tal-Gvern dwar il-baġit. Semma wkoll diversi eżempji oħra fejn il-kontroversja kienet teżisti. 

 

Dr Francis Zammit Dimech kjarifika l-interpretazzjoni u qal li skont hu, l-Kostituzzjoni tirreferi għall-current public policy u li din mhix neċessarjament kontroversja politika. Qal li din għandha żewġ fatturi. L-ewwel huwa meta per eżempju l-Prim Ministru jżur pajjiżi oħra u fejn allura jittieħed SOT. F’dawn iċ-ċirkustanzi qal li ma għandhomx jittieħdu SOTs tal-Ministri għax dawn iservu biss biex jikber l-iżbilanċ. Dwar it-tieni, huwa rrefera għal programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fejn l-Oppożizzjoni qatt ma jkollha vantaġġ numeriku jew oltre’ fuq il-Gvern. Għalhekk skont hu ma jistax wieħed loġikament jikkonkludi li bl-argument ta’ bilanċ ta’ 50:50 fi ġrajjiet kurrenti, jiġi kkoreġut żbilanċ ta’ 351(Gvern):27(Oppożizzjoni) mill-SOTs fl-aħbarijiet.

 

Wara li ġew ippreżentati s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Bord għadda sabiex janalizza l-informazzjoni u argumenti mressqa kif ukoll jirreferi għal-liġijiet ċitati.

 

Fid-deċiżjoni tat-23 t’Awwissu 2022, l-Awtorità kienet semgħet ilment dwar bulletin speċifiku, cioè dak tal-14 ta’ Lulju 2022. It-tieni parti ta’ dan l-ilment kienet tittratta l-iżbilanċ fl-SOTs fejn permezz tal-Avukat Mark Vassallo, x-xandar pubbliku kien ressaq dawn l-argumenti:

 

“Fir-rigward tat-tieni parti tal-ilment Dr Mark Vassallo ppreżenta statistika min-naħa tal-PBS dwar in-numru ta’ press releases li nħarġu mid-DOI u mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista u statistika dwar in-numru ta’ sound on tape li xxandru fil-bulettini tal-aħbarijiet bejn Mejju u Lulju 2022”

 

Wara li stħarrġet dawn il-fatti l-Awtorità kienet iddeċidiet:

 

“F’żewġ seduti li inżammew fit-3 u fit-8 ta’ Awwissu, l-Awtorità semgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward ir-rapurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra PBS, l-Awtorità tax-Xandir, il-Ministru ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela u l-Avukat tal-Istat. L-Awtorità sabet li l-PBS kien korrett fir-rapurtaġġ tas-sentenza iżda osservat li waqt ir-rappurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet minn Dr Bernard Grech b’reazzjoni għall-istess sentenza tal-Qorti, il-PBS ma ħax kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Awtorità dderiġiet lill-PBS biex tingħata attenzjoni kbira għall-mod meta jittieħdu l-kummenti lill-politiċi. Minħabba l-fatt li mill-istatistika li ġiet esebita waqt is-smigħ jirriżulta żbilanċ qawwi u nett bejn is-sound on tape li jittieħdu mill-kelliema tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni, l-Awtorità dderiġiet lill-istazzjon biex jaċċerta li jkun hemm rappreżentanza xierqa fin-numru ta’ intervisti li jixxandru matul il-bulettini tal-aħbarijiet bejn il-kelliema tal-Gvern u l-kelliema tal-Oppożizzjoni”

 

Id-deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2023 kienet dwar SOTs f’dati speċifiċi, cioè dawk li ssemmew fl-ilment, u allura għall-bulettini tal-28 ta’ Frar, l-1 ta’ Marzu u t-2 ta’ Marzu tal-istess sena. F’din id-deċiżjoni l-Awtorità rrimarkat:

 

“...l-Awtorità rat li minkejja li n-numru ta’ intervisti mal-kelliema tal-Gvern naqas drastikament qed twissi lill-istazzjon li għandu jagħmel sforz u fejn ikun hemm bżonn isiru intervisti ma’ kelliema tal-Oppożizzjoni u dawn għandhom ikunu inklużi fil-bulettin. Jidher li l-istazzjon għamel sforz biex inaqqas in-numru ta’ intervisti ma’ Ministri, iżda nnotat li l-PBS għadu mhux qed jieħu kummenti ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni meta u jekk ikun meħtieġ

 

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għal dak l-ilment kienet:

 

L-Awtorità rat li n-numru ta’ intervisti mal-kelliema tal-Gvern naqas minn deċiżjoni li kienet ħadet l-istess Awtorità fil-konfront tal-PBS fix-xhur li għaddew, iżda xorta ma tteħdux kummenti minn kelliema tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant l-Awtorità laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista

 

L-ilment imressaq mill-PN nhar it-2 ta’ Frar 2024 huwa wieħed ġeneriku ħafna l-għaliex huwa fuq medda twila ta’ żmien u marbut biss mal-SOTs fl-aħbarijiet.

 

Il-Bord stħarreġ Artiklu 13(f) ta’ Kap.350 li jesiġi dwar wieħed mid-doveri marbuta mal-liċenzja tax-xandar, fejn għandha tinżamm  l-imparzjalità  dovuta  dwar  ħwejjeġ  ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti”.

 

Stħarreġ ukoll Artiklu 119(1) tal-Kostituzzjoni li jippreskrivi li “tkun funzjoni tal-Awtorità dwar ix-Xandir li tiżgura illi, safejn ikun possibbli, f’dawk is-servizzi ta’ xandir ta’ smigħ u televiżjoni li jistgħu jkunu provduti f’Malta, tiġi miżmuma mparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti u illi l-faċilitajiet u l-ħin ta’ xandir huma mqassma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti”.

 

Il-Bord għamel ukoll referenza għall-elementi li jikkostitwixxu l-aħbarijiet u li jinkludi voice clips[1] u SOTs[2], coverages[3], mistiedna fl-aħbarijiet biex jagħtu l-veduta tagħhom, kollegamenti, rappurtaġġ ta’ konferenzi stampi u stqarrijiet fost elementi oħra. Jinnota wkoll li l-SOTs waħedhom ma humiex dejjem suffiċjenti sabiex fil-mankanza ta’ veduti ta’ partiti politiċi differenti, jiġi misjub żbilanċ.

 

Il-Bord huwa għalhekk tal-opinjoni li filwaqt li l-SOTs huma tassew parti mill-bulettin tal-aħbarijiet, l-attenzjoni prinċipali għall-kunċett tal-bilanċ trid tkun fuq ix-xandira ntiera. Innota wkoll li l-istatistika numerika mhix ta’ importanza ewlenija fejn jidħlu SOTs u dan minħabba diversi raġunijiet fosthom fejn ma tkunx teżisti ebda kontroversja politika jew fejn ma tkunx qed tiġi trattata policy kurrenti. Biss filwaqt li huwa ovvju u mistenni li n-numru ta’ SOTs minn kelliema tal-Gvern ikun jeċċedi dak ta’ partiti politiċi oħra, ma jistax jingħad li dawn ma għandhomx il-jedd li jibdew kontroversja huma jew inkella li jitilfu l-okkażjoni ta’ SOT sempliċiment għall-fatt li ma organizzaw ebda attività speċifika fuq it-tema. Minħabba dawn l-aspetti kollha, ma tistax tixgħel ebda bozza b’mod awtomatiku dwar l-element tal-bilanċ, sempliċiment minn statistika numerika. Dan joħroġ ukoll mill-eżempju ta’ meta l-Prim Ministru jagħmel żjara f’pajjiż ieħor u fejn allura ma jkunx hemm dubju li SOT tittieħed f’dan il-każ. Iżda li dan l-eżempju  jew sitwazzjonijiet simili jiġu segwiti b’numru ta’ SOTs oħra mill-Ministri, dan iservi biss biex jiżdied l-iżbilanċ.

 

Għalhekk il-Bord għadda sabiex jevalwa t-temi tal-SOTs u osserva li skont l-istatistika tal-Awtorità, bħal fil-każ, per eżempju matul ix-xahar ta’ Novembru 2023, ix-xahar tal-baġit u li matulu kien hemm ukoll strajk organizzat mill-Malta Union of Teachers, kien jeżisti żbilanċ notevoli bejn SOTs tal-Gvern u ta’ partiti politiċi differenti.

 

Għal dawn ir-raġunijiiet il-Bord mhux sodisfatt bil-grad ta’ bilanċ milħuq mix-xandar pubbliku, almenu fix-xhur li matulhom kien hemm aspettattiva raġonevoli ta’ veduti politiċi diversi akbar. Il-fatt li l-analiżi tal-bilanċ mhix waħda sempliċi, ma għandhiex isservi bħala difiża awtomatika għall-ġustifikazzjoni ta’ żbilanċi notevoli f’diversi elementi li jikkostitwixxu l-bulettini tal-aħbarijiet. Għalhekk il-Bord qiegħed jilqa’ dan l-ilment u qed iċanfar lill-PBS u jidderieġi lill-PBS biex jagħmel l-almu tiegħu u jieħu l-kummenti tal-Oppożizzjoni u fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ partiti oħra f’każijiet ta’ kontroversa politika jew policies kurrenti. Fin-nuqqas repetittiv ta’  dan, ma jkunx hemm triq oħra għajr miżuri ulterjuri.

 

Bħala parti mid-deċiżjoni, l-Bord qiegħed ukoll jiggwida lix-xandar sabiex fil-jum li toħroġ id-deċiżjoni jaqra dan is-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet:

 

“F’żewġ seduti li nżammu fit-22 ta’ Frar 2024 u fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sema’ l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward intervisti li jsiru fil-bulettini tal-aħbarijiet. F’dan l-ilment il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir analizza bulettini ta’ aħbarijiet li xxandru fuq medda ta’ ħdax -il xahar, cioè minn April 2023 sa Frar 2024, u sab tqassim ta’ ħin mhux xieraq fl-użu ta’ intervisti u kummenti minħabba li l-intervisti ma’ Ministri u esponenti tal-Gvern sebqu fin-numru dawk l-intervisti tal-Oppożizzjoni u partiti politiċi differenti. Kif ġara f’deċiżjonijiet simili preċedenti, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jifhem il-fatt li l-esponenti tal-Gvern ikunu intervistati b’mod iżjed regolari għar-raġuni li huma responsabbli għall-amministrazzjoni. Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qies li statistika numerika ma hix il-kejl ġust tal-kunċett tal-imparzjalità iżda nnota fl-istess waqt il-fatt li xandar ma jistax jeskludi vuċijiet oħra meta u fejn possibbli. Għaldaqstant għandu jingħata ċ-ċans li jittieħdu kummenti fl-aħbarijiet minn esponenti ta’  partiti politiċi differenti fejn tidħol il-kontroversja politika u l-policy pubblika kurrenti. Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir iħoss li l-PBS għandu l-obbligu biex josserva u jaċċerta l-imparzjalità u li fin-nuqqas repetittiv ta’ din l-osservanza jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri. Filwaqt li l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista, idderieġa lill-PBS jaqra dan is-sunt bħala parti mid-deċiżjoni”.

 

 

25 ta’ Marzu 2024

Smigħ 03/2024 Numru 5

Ref:07/24



[1] “voice clip”: meta tittieħed silta minn diskors jew indirizz tal-kelliem, fejn il-materja tad-diskors ma tkunx forma ta’ risposta diretta għal xi mistoqsija minn ġurnalist lill-kelliem.

[2] “sound on tape”: meta ġeneralment tittieħed parti minn intervista jew mit-tweġiba tal-kelliem, li jkun speċifikament mistoqsi fuq tema partikolari.

[3] “coverage”:  rappurtaġġ ta’ stqarrija jew pożizzjoni minn kelliem jew minn entitajiet oħrajn fosthom partiti, għaqdiet u unions, u fejn jiġi rrappurtat dak li intqal jew l-osservazzjonijiet u pożizzjonijiet rispettivi, reġistrati bħala coverage.