L-Awtorità kellha quddiemha akkuża rigward programm ta’ teleshopping bl-isem Stellina Lifestyle Changes tat-8 t’Awwissu.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u s-sottomissjonijiet tar-rappreżentanti tal-istazzjon, is-Sur Mario Micallef, Business Development Manager tal-PBS, u l-Avukat Anthony Depasquale, is-Sur Stephen Galea u s-Sinjura Stellina Galea għan-nom tal-produtturi tal-programm, f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Settembru, 2013.
Il-Kap Eżekuttiv issottometta li l-preżenza ta’ tabiba li ssostni t-teżi mressqa mill-produzzjoni f’din ir-rokna ta’ teleshopping jikkostitwixxi ksur tal-paragrafu 13.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.30 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, metodi ta’ Reklamar u direttivi li japplikaw għal Prodotti u Trattamenti Mediċinali). L-akkuża kienet tgħid ukoll li waqt ir-rokna ta’ telebejgħ imsemmija aktar ‘l fuq, kienu saru dikjarazzjonijiet li ċerti nies li jbatu b’ċerti kundizzjonijiet naqqsu l-ammonti ta’ pilloli li kienu jieħdu minħabba li segwew dan l-istil ta’ ħajja li jippromwovi l-Stellina Lifestyle Changes u dan bi ksur ta’ paragrafu 9.1.(c) tal-istess Liġi Sussidjaraja minħabba li ma ingħatat l-ebda prova xjentifika dwar dan.
L-Avukat Depasquale, li deher għan-nom tal-istazzjon u tal-produtturi tal-Stellina Lifestyle Changes qal li kemm il-preżentaturi kif ukoll il-mistiedna kienu ferm kawti f’dak li qalu u rimarki bħal "ovvjament trid toqgħod attent" u li "wieħed jista’ jtejjeb l-istil ta’ ħajja tiegħu mingħajr ma kategorikament jimplikaw li l-pilloli dejjem jistgħu jitnaqqsu" kienu prova ta’ dan. L-Avukat Depasquale ikkontenda li dan il-programm ma kienx jaqa’ taħt Leġislazzjoni Sussidjarja 350.30 peress li kien fil-kategorija ta’ teleshopping mhux reklamar per se u għalhekk l-Awtorità ma kienitx korretta li toħroġ din l-akkuża bi ksur tal-provedimenti tal-Liġi msemmija fl-istess akkuża.
Il-Kap Eżekuttiv, minn naħa l-oħra, spjega lill-Bord li d-definizzjoni ta’ reklamar kienet tinkludi t-teleshopping u dan joħroġ ċar wara li daħlu fis-seħħ il-provedimenti tal-AVMS Directive.
Wara li ħarġu mil-laqgħa r-rappreżentanti tal-istazzjon u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li:
Rigward il-kwistjoni jekk dan il-każ kienx jaqa’ taħt Leġislazzjoni Sussidjarja 350.30, ma kien hemm l-ebda dubbju li teleshopping kien metodu ta’ reklamar u li l-Leġislazzjoni kienet tkopri l-metodi kollha ta’ reklamar kif spjegat fl-isem stess u dan anki fid-dawl ta’ Artiklu 16G tal-Att Dwar ix-Xandir u għalhekk id-difiża li tressqet ma’ kienitx tissustisti.
L-Awtorità qieset li l-preżenza ta’ tabiba f’tali rokna ta’ telebejgħ kienet qed isservi biex tagħti kredibiltà lil dan il-programm mingħajr ma ġew elenkati l-oqsma xjentifici dwar kif dan iseħħ. Huwa d-dmir tal-Awtorità li tħares l-interessi tal-konsumatur u f’dan id-dawl l-istess Awtorità tħoss li stazzjon ma jistax jiġeneralizza r-rizultati miksuba minn ċertu individwi li segwew dan il-programm għal firxa wiesa ta’ nies.
F’rokna ta’ telebejgħ li s-suġġett ikun stil ta’ lifestyle, il-punt li ressqet id-difiza li l-preżentatriċi u l-mistiedna kienu kawti f’dak li qalu mhuwiex biżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Avviz Legali 350.30 li jelenka b’mod l-aktar car li: "Reklamar m’għandux ikollu xi offerta ta’ xi trattament jew servizz biex tirqaq (eż. tnaqqis fil-piż, limitazzjoni jew kontroll) li:.... ma turix b’mod ċar f’manjiera xjentifika kif tista’ tirqaq".
Fl-isfond ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità iddecidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata kif indikat, u l-Awtorità tħoss li b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tat-telespettatur, kif ġie deċiż fil-passat dawn il-każijiet jimmeritaw sanzjoni konsistenti f’penali amministrattiva. L-Awtorità għalhekk qiegħed timponi l-penali amministrattiva ta’ (€1,160) liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika.
L-Awtorità terġa tieħu l-opportunità sabiex twissi li l-istazzjonijiet kollha televiżivi u radjufoniċi biex joqgħodu ferm attenti meta jipproduċu programmi li jirrigwardaw b’xi mod is-saħħa.
19 ta' Settembru 2013