Ilment mis-Sur Alfie Lewis Rigward il-programm Studio 54 li Xxandar fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mis-Sur Alfie Lewis rigward il-programm Studio 54, li jixxandar fuq TVM, liema ilment kien jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ €15 mill-produtturi tal-programm għar-rigward ta’ awdizzjonijiet b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-imsemmi programm.
Iċ-Chairman filwaqt li introduċa il-proċedura qal illi dan l-ilment kien qiegħed jinstema’ ai termini ta’ Artiklu 21A tal-Att dwar ix-Xandir li kien jagħti l-poter lill-Awtorità tisma’ ilmenti minn terzi persuni rigwardanti n-nuqqas ta’ xandâr li jikkonforma mal-provvedimenti fl-imsemmi Att.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Alfie Lewis, lis-Sur Reuben Zammit, Manager tal-Programmi ta’ TVM, lis-Sur P J Vassallo u lis-Sur Pablo Micallef għall-Produzzjoni.
Is-Sur Lewis ikkontenda li wara li kien sema’ avviż fuq il-mezzi tax-xandir li permezz tiegħu il-pubbliku kien qed jiġi mistieden jipparteċipa fl-imsemmi programm, kien iddeċieda li kellu jersaq għal awdizzjoni f’data u ħin indikat lilu. Is-Sur Lewis żied li kien sorpriż bil-fatt li ftit qabel l-imsemmija awdizzjoni intalab iħallas €15 u dan meta skont is-Sur Lewis fl-ebda mument qabel dakinhar ma kien b’xi mod ġie infurmat li tali parteċipazzjoni kienet tikkomporta l-imsemmi ħlas. Żied li n-nuqqas ta’ informazzjoni mill-produzzjoni f’dan is-sens kien qarrieqi fil-konfront tiegħu u għalhekk kien qiegħed jagħmel dan l-ilment.
Min naħa ‘l oħra s-Sur Pablo Micallef għall-produzzjoni ikkontesta l-verżjoni tal-fatti kif espressi mis-Sur Lewis u ikkontenda li kienet prassi stabbilità mill-produtturi li persuni li jkunu wrew interess sabiex jipparteċipaw fil-programmi jingħataw l-informazzjoni kollha neċessarja qabel jagħmlu l-awdizzjoni u qabel jiffirmaw il-kuntratt relattiv. Żied li l-ħlas ta’ €15 kien imur sabiex il-produtturi ikopru parti mill-ispejjeż amministrattivi konnessi mal-istess awdizzjonijiet u fil-passat dan qatt ma kien kontestat. Is-Sur Micallef qal li l-aġir qarrieqi li għalih irrefera s-Sur Lewis kien fl-opinjoni tiegħu ineżistenti u dan peress li tul il-proċess tal-għażla qabel l-awdizzjoni u l-iffirmar tal-kuntratt il-pubbliku kellu kull opportunita’ li jirrinunzja għall-parteċipazzjoni u dan mingħajr ma jinkorri spejjeż inkluż il-€15.
Żied li fir-riklam/avviż li kien jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir ma setgħux jingħataw id-dettalji kollha u kienet issir biss stedina lill-pubbliku biex jipparteċipa, sussegwentement l-informazzjoni kollha kienet tingħata aktar tard permezz tat-telefon.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkunsidrat il-provvedimenti eżistenti tal-liġi, u qablet li teknikament ai termini tal-liġi u r-regolamenti eżistenti ma kien jirriżulta l-ebda ksur minn naħa tal-istazzjon.
Madanakollu, l-Awtorità ħasset li kellha tirreferi għall-paragrafu 10 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika applikabbli għall-Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet, li kien jelenka l-informazzjoni li kellha tingħata waqt reklamar għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet. L-Awtorità rat illi f’dan il-każ il-leġislatur kien ħass il-ħtieġa li jimponi fuq ix-xandar ċerti obbligi f’dan is-sens, fil-fatt l-imsemmi paragrafu fost ħwejjeġ oħra jipprovdi li tali reklami kellhom jinkludu l-informazzjoni kollha li setgħet timpinġi u taffetwa d-deċiżjoni tal-pubbliku jekk fil-fatt jipparteċipax fi programm.
L-Awtorità qablet li fil-każ in eżami, kien essenzjali li l-pubbliku jkun infurmat b’mod ċar li l-parteċipazzjoni kienet tikkomporta il-ħlas ta’ €15, u għaldaqstant dan il-fattur kellu jissemma’ u jiġi inkluż bħala parti integrali mill-istess riklam / fl-avviż.
L-Awtorità iddiriġiet li din id-deċiżjoni tiġi komunikata lill-istazzjonijiet kollha sabiex dawn jagħrfu jirregolaw ruħhom skont il-każ u inoltre ikkonstata li kienet ser tibqa’ ssegwi u tevalwa s-sitwazzjoni f’dan ir-rigward u fin-nuqqas ta’ meljorament kienet lesta li tagħmel l-emendi neċessarji fil-liġi sabiex it-telespettatur jingħata l-protezzjoni li tixraqlu.
In oltre, dwar l-ilment in eżami l-Awtorità iddeċidiet li ma kellhiex tipproċedi ulterjoralment.
5 ta’ Jannar, 2011