Ilment mis-Sur Paul Vassallo
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mis-Sur Paul Vassallo rigward l-edizzjoni tal-programm Stylewatch tas-26 ta’ Frar, 2012 fuq TVM, fejn kien allegat li l-istazzjon xandar viżwal ta’ condom tad-ditta Louis Vuitton u tattoo fuq parti mill-koxxa esposta tax-show girl Arġentina Belen Rodriguez.
L-Awtorita’ semgħet lis-Sur Vassallo u lis-Sur Reuben Zammit, Kap tal-Programmi ta’ PBS Ltd. li kien qed jidher għan-nom tal-istazzjon f’seduta li nżammet fit-8 ta’ Mejju 2012.
Fis-sottomissjoni tiegħu s-Sur Vassallo qal li dawn l-istampi dehru bejn is-7.00 p.m. u s-7.30 p.m. u kien iħoss li dan ma kienx ħin addattat stante li f’dawk il-ħinijiet faċilment ikun hemm tfal ta’ eta’ żgħira jsegwu. Żied li fil-fatt huwa kellu jwieġeb għal domandi imbarazzanti tat-tifel tiegħu ta’ disa’ snin li inċidentalment dak il-ħin kien qed isegwi l-programm.
Is-Sur Vassallo qal li huwa kien kiteb lill-istazzjon dwar il-każ u huwa ma kienx kuntent bir-risposta tal-istazzon. Għalhekk ħass li kellu jirrikorri għand l-Awtorità.
Minn naħa tiegħu s-Sur Reuben Zammit, qal li dawn il-viżwali kienu għaddew minn taħt il-monitoring bord li minn naħa tiegħu ma kien għamel l-ebda oġġezzjoni għalihom. Żied li hekk kif irċieva l-ilment huwa għaddieh lill-produtturi sabiex fil-futur ikunu aktar sensittivi u kawti. Is-Sur Zammit qal li fil-każ in eżami, l-istazzjon ma setax jagħmel aktar milli fil-fatt għamel u fiċ-ċirkostanzi ma setgħa jagħti l-ebda rimedju.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u għalkemm irrikonoxxiet li deċiżjoni dwar dan il-każ kienet pjuttost suġġettiva, qablet li l-użu tal-viżwal fil-każ konċernanti l-istilista Louis Vuitton kien oġġezzjonabbli u inoltre l-kummenti tal-preżentaturi kienu barra minn lokhom u ma kellhomx jixxandru fil-ħin li fil-fatt ixxandru.
In vista ta’ dan, l-Awtorità qablet li l-ilment kien in parti ġustifikat u ddeċidiet li kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon sabiex fil-futur ikun aktar sensittiv u jirrispetta b’aktar diliġenza r-regolamenti viġenti dwar wiri ta’ programmi fil-ħinijiet meqjusa għall-familja.
11 ta’ Mejju, 2012