TVM- Stylewatch - 30 ta' Ottubru 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Stylewatch tat-30 t’Ottubru, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(f) tal-Att Dwar ix-Xandir u Paragrafu 9.1(c) tal-Avviż Legali 350.30 Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li Jinvolvu l-Parteċipazzjoni fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li Japplikaw Għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali meta l-istazzjon xandar servizz dwar l-użu tal-Human Chorionic Ganadotropin (HCG) bħala trattament biex tirqaq liema prodott huwa ‘prescription based’ u waqt l-istess servizz ma intweriex b’manjiera xjentifika kif jaħdem dan il-prodott.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem l-istazzjon u lil Dr Pillow li kien imsejjaħ bħala xhud mill-istazzjon u li kien ipparteċipa fl-imsemmi servizz.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-argumenti tal-istazzjon u ta’ Dr Pillow ma kienux suffiċjentement skużabbli. Żiedet li l-każ kien wieħed serju minħabba li kien jikkonċerna s-saħħa tal-bniedem u l-akkwist ta’ mediċinali u l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali relattiva ta’ elf sebgħa mija u ħamsin Ewro (€1,750) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.

7 ta' Marzu 2012