L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fit-Telebejgħ Easy Life li xxandar fit-12 t’Awwissu, 2009 fuq TVM, kien kiser ksur tal-paragrafi 31 u 43 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta saret promozzjoni kummerċjali għall-prodotti li ma kienux parti mill-imsemmi telebejgħ.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttv, u kif ukoll lill-istazzjon u l-produttur li minn naħa tagħhom ikkontendew illi r-referenza għall-merchandise li kienu ser ikunu għall-bejgħ waqt l-ispettaklu ta' wrestling li kien ser jinżamm f'Malta, kienet waħda każwali u spontanja u ma kienitx intenzjonata li tkun reklamatorja.
Wara li kienet digà rat il-filmat relattiv l-Awtorità dehrilha illi l-akkuża kienet giet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li dan it-telebejgħ kiser il-provvedimenti imsemmija f’din l-akkuża, l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum.