TVM - Telebejgħ ta' Centro Moda - 12 u 19 t'Awwissu 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward it-telebejgħ ta’ Centro Moda li xxandru fit-12 u d-19 t’Awwissu, 2013 fejn ġie allegat li f’dawn l-edizzjonijiet kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar telebejgħ kif imfissra fit-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir u ċjoè Artikli 20, 23, 27 u 33, meta fl-ewwel każ (12/08/2013) il-preżentatriċi naqset milli tispeċifika l-prezz ta’ handbags u malji li kienet tirreklama filwaqt li fit-tieni każ (19/08/2013) l-istess preżentatriċi għamlet referenza għal end of sale eċċezzjonali fl-istabbilimenti ta’ Centro Moda  liema referenza ma kienitx tikkostiwixxi offerta diretta.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Philip Camilleri għan-nom tal-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Settembru, 2013, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta li fil-programm tad-19 t’Awwissu, 2013 saret enfasi żejda dwar sale fl-istabbilimenti tal-kumpanija tenna li fil-każ l-ieħor minkejja li t-telebejgħ kien jirrigwarda mudelli differenti u varjati ta’ żraben fil-fatt ma kienx hemm daqstant varjazzjoni fil-prezz.

Is-Sur Camilleri żied li ma kienitx l-intenzjoni tal-produzzjoni li tieħu vantaġġ u li jinkisru d-diżpozzijonijiet tal-Liġi.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata qablet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur kienet qed twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.


23 ta’ Settembru, 2013