Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar reklamar tat-Tex Mex li xxandar fid-19 ta’ Mejju, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorships u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku, meta waqt l-istess reklam l-istazzjon xandar promozzjoni għal cocktails (two for one) kuljum bejn it-3p.m. u s-7.00p.m.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-25 ta’ Ġunju, 2013, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża ddikjara li dan kien żball tal-istazzjon, liema żball kien riżultat tal-fatt li l-proċeduri interni imħaddma mill-istess stazzjon sabiex jipprevjenu tali nuqqasijiet ma ħadmux b’mod effettiv.
Wara li kien ħareġ mill-kamra s-Sur Micallef, il-Kap Eżekuttiv indirizza lill-membri u qal illi għall-finijiet ta’ korrettezza kien qiegħed jirrileva difett fl-akkuża fis-sens li id-data indikata fl-istess akkuża kien żbaljat. Żied li fil-fatt ir-reklam kien ixxandar fl-20 ta’ Mejju u mhux 19 ta’ Mejju, 2013.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partjjiet b’mod partikolari id-dikjarazzjoni tal-Kap Eżekuttiv iddeċidiet li minħabba li kien hemm żball fl-akkuża kif maħruġa l-Awtorità ma kellhiex tipproċedi ulterjoralment kontra l-istazzjon.
Illum 1 ta’ Lulju, 2013