TVM - Tlugħ tal-Lotterija - 29 u 30 t'Awwissu 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-promotion dwar it-tlugħ tal-lotterija li xxandar fid-29 u t-30 t’Awwissu, 2013 fejn ġie allegat li f’dawn il-promotions ma kienux għajr reklam sabiex in-nies jixtru l-biljetti, liema promotions ġew imxandra f’ħinijiet ipprojbiti ai termini ta’ paragrafu 5.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.25 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Settembru, 2013, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża talab skuża għan-nuqqas tal-istazzjon li ma kienx intenzjonat.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-ammissjoni tal-istazzjon, u peress li ma kienx hemm kontestazzjoni u in vista tas-serjetà u n-natura ta’ dan in-nuqqas iddeċidiet li timponi l-penali ridotta ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni.

23 ta’ Settembru, 2013