Akkuża fil-Konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-Programm Tough Luck li xxandru fuq TVM fl-14 u l-21 t’Awwissu, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward l-edizzjonijiet tal-programm Tough Luck li xxandru fl-14 u l-21 t’Awwissu, 2017 fejn kien allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) fejn waqt il-logħba tal-iScratchers kien hemm undue exposure tal-prodott minħabba li waqt il-logħba kollha dehret il-kelma Scratchers fuq l-iskrin u dan serva biex ikun hemm prominenza mhux dovuta għal dan il-prodott. Wieħed jirrimarka li l-produzzjoni ħolqot grafika tal-logħba b’tali mod biex il-prodott tal-iScratchers jingħata prominenza u dan bi ksur tal-Artiklu 16M(3)(c) tal-Att. Dan il-ksur seħħ fiż-żewġ edizzjonijiet tal-14 u l-21 t’Awwissu.
Barra minn hekk, waqt l-istess logħba fil-programm tal-21 t’Awwissu xxandar pop-up tal-iScratchers u b’dan il-mod ma kienx hemm distinzjoni bejn il-kontenut u r-reklam u dan bi ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat minn Ms Angie Laus u s-Sur P.J Vassallo bħala produtturi tal-programm, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Settembru, 2017.
Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef qal li fil-każ tal-pop up dan kien żball minn naħa tal-presentation officer u l-istazzjon kellu problema f’każijiet bħal dawn minħabba li l-programm huwa outsourced u l-pop ups jitilgħu in house.
Għal punt rilevat mill-Kap Eżekuttiv li l-istazzjon kien infurmat permezz ta’ imejl bin-nuqqasijiet u dan xorta ma rrimedjax, minkejja li kien konfermat li l-istazzjon kien irċieva l-imejl, is-Sur Vassallo ċaħad li l-produtturi kienu b’xi mod notifikati. Żied li l-kwistjoni ta’ undue exposure kienet waħda suġġettiva u tagħti lok għal interpretazzjoni konfliġġenti.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u rat il-filmati relattivi iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata in parti bl-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon rigwardanti l-ksur tal-liġi bix-xandir ta’ pop up u kif ukoll peress li fil-programm ingħatat prominenza eċċessiva lil Maltco u/jew il-prodotti tagħha bi ksur tal-Artiklu 16M(3)(c) tal-Att. In oltre l-Awtorità nnutat ukoll li minkejja li l-istazzjon kien infurmat bl-akkuża, in-nuqqasijiet ma ġewx indirizzati u għalhekk in vista ta’ dan l-Awtorità qablet li kellha timponi l-penali relattiva ta’ €2,330, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum it-3 t’Ottubru, 2017