TVM - trasmissjoni diretta - 17 ta' Lulju 2023




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS rigward it-trasmissjoni diretta tas-17 ta’ Lulju 2023

L-Awtorita' kellha quddiemha lment b’urġenza mill-Partit Nazzjonalista datat 18 ta’ Lulju 2023 kontra PBS Ltd. F’dan l-ilment il-Partit Nazzjonalista rrefera għal konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru imxandra b’mod dirett nhar is-17 ta’ Lulju 2023 fuq TVM u TVM News+.

L-Awtorita’ ddiskutiet dan l-ilment u tħoss li l-istazzjon nazzjonali seta’ kien iżjed kawt fil-mod ta’ kif ittratta t-trasmissjonijiet live marbuta mal-każ tal-inkejsta pubblika dwar Jean Paul Sofia. Għaldaqstant qed tordna lill-PBS sabiex immedjatament qabel l-aħbarijiet tat-tmienja tal-llum 19 ta’ Lulju 2023, ixandar il-filmat ta’ żewġ minuti u żewġ sekondi bl-indirizz oriġinali tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista qed jiġi ordnat jgħaddi dan il-materjal lill-Awtorita’ illum sal-ħamsa ta’ filgħaxija.


Qabel dan il-filmat il-PBS qed jiġi rikjest li jinqara dan l-avviż:-


“Dan il-filmat, meħud nhar it-17 ta’ Lulju, qed jiġi mxandar b’ordni tal-Awtorita’ tax-Xandir bħala rimedju għall-ilment tal-Partit Nazzjonalista”.

19 ta’ Lulju 2023