TVM - Trasmissjoni tat-18 ta' Lulju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar xandira tat-18 ta’ Lulju, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt ix-xandira tat-18 ta’ Lulju 2012 proprju bejn is-7.00p.m. u t-8.00p.m, l-istazzjon eċċeda t-12-il minuta ta’ reklamar f’siegħa orarja konsentit mill-Att dwar ix-Xandir meta xandar 16-il minuta u 24 sekonda ta’ reklamar.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Ray Libreri għan-nom tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru, 2012. Min naħa tiegħu s-Sur Libreri filwaqt li ammetta l-akkuża qal li dan kien żball fejn kienu ġew skedati  seba’ minuti ta’ reklamar żejda.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,160 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika.

13 ta' Settembru 2012