TVM - TVAM - 29 ta' Settembru, 1 u 2 t'Ottubru 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm TVAM li xxandar fid-29 ta’ Settembru, fl-1 u fit-2 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att Dwar ix-Xandir peress li ixxandar caption tal-isponsers u dawn issemmew b’voice over.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd., li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon f’seduta li nżammet fl-14 t’Ottubru, 2014, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża qal li dan kien żball u malintiz minn naħa tal-istazzjon u l-preżentatriċi ma kienitx mgħarrfa biċ-ċirkolari li kienet għada kemm ħarġet l-Awtorità.  Żied li madanakollu hekk kif induna x’kien ġara huwa intervjena u waqqaf mill-ewwel ix-xandir tal-captions.  

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, meta ġiet biex tikkonsidra l-imposizzjoni tal-penali, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet. 

Illum 22 t’Ottubru, 2014