TVM - TVAM - 11 u 12 ta' Marzu 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 21 ta’ Marzu, 2014 rigward l-edizzjonijiet tal-programm TVAM li xxandru fil-11 u t-12 ta’ Marzu, 2014.  F’dawn iż-żewġ programmi kienu mistednin il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru rispettivament.  Il-Partit Nazzjonalista ilmenta mal-PBS dwar manipulazzjoni li wasslet għal żbilanċ fiż-żewġ intervisti li saru.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd., u kif ukoll lis-Sur Joe Sammut Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS bħala xhud f’żewġ seduti li nżammu fit-22 u fid-29 t’April, 2014. 

Minn naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista sostna li analiżi taż-żewġ intervisti li saru kienet turi differenza ċara fil-mod kif il-preżentaturi ta’ TVAM trattaw lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.  Żied li dan kien evidenti minn naħa waħda fit-ton u l-vokabularju addottat fl-intervista mal-Prim Ministru li kien intiż biex jaġevolah, filwaqt u minn naħa l-oħra l-intervista mal-Kap tal-Oppożizzjoni kellha bias negattiv li kien jivvantaġġja lill-Partit Laburista.  Il-Partit Nazzjonalista qal li in oltre waqt il-programm relattiv il-Prim Ministru kien tħalla jitkellem u jiżviluppa r-risposti tiegħu filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mistoqsi d-doppju ta’ domandi u għalhekk inqas ħin biex iwieġeb.

Fix-xhieda tiegħu s-Sur Sammut tkellem dwar il-kompożizzjoni u r-rwol tal-Bord Editorjali u qal li filwaqt li dan kien jifforma parti mis-set-up tal-istazzjon, kellu l-inkarigu li jħares u jissalvagwardja l-obbligi legali li kellu l-istazzjon b’mod partikolari fejn jidħol il-bilanċ u l-imparzjalità,  u  li jissorvelja t-twettieq u l-implimentazzjoni tal-policy prinċipali tal-istazzjon.  Mistoqsi dwar il-każ in eżami s-Sur Sammut qal li dan l-ilment kien ġie diskuss fil-Bord (kif indikat fl-estratt tal-minuti esebit) biex ikun stabbilit jekk dan kienx ġustifikat.  Żied li l-Bord wara li kien ra ż-żewġ programmi kien tal-fehma li l-mistoqsijiet kienu ‘fair’ u li l-mistiedna kienu ingħataw il-ħin kollu biex iwieġbu.  Żied li l-Bord ma ħassx li l-preżentaturi kienu ifavorixxew naħa minn oħra.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon irrefera għall-preparamenti li kienu saru qabel il-programm.  Żied li kien saħaq li ż-żewġ mistiedna jkunu trattati bl-istess mod saħansitra anke fil-ħin li tixxandar l-intervista, u n-natura tal-mistoqsijiet fejn wieħed setgħa jinnota li kien hemm ħafna xebħ.  Dwar l-użu ta’ ċertu lingwaġġ mill-preżentaturi l-istazzjon qal li dan ma kienx jimplika negattiviżmu iżda kien juri ċerta kunfidenza, liema atteġġjament ma kienx rifless f’dan il-programm biss.  Żied li ż-żewġ mistiedna kienu ingħataw l-istess ammont ta’ ħin u minkejja li s-suġġett kien jitratta l-ewwel sena ta’ Gvern kien hemm xebħ fil-mistoqsijiet li saru.

L-istazzjon qal li kieku xi ħadd mill-preżentaturi kien ostakolanti allura l-ilment kien ikun ġustifikat iżda fil-każ in eżami kien  hemm ħtieġa ta’ mistoqsijiet supplementari għax il-mistieden għamel risposti qosra biex it-tul tal-intervista ma jkunx iqsar minn dak li kien ser jingħata lill-Prim Ministru filwaqt li fil-każ tal-mistieden l-ieħor ir-risposti kienu itwal u allura ma kienx hemm il-ħtieġa li jsiru mistoqsijiet addizzjonali jew supplimentari.

L-Awtorita` wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha taż-żewġ partijiet u wara li l-membri tal-istess Awtorita` kelhom l-opportunita` li jaraw ir-reġistrazzjoni taż-żewġ programmi li dwahom sar l-ilment għamlet il-konsiderazzjonijiet segwenti:

L-ilment tal-Partit Nazzjonalista kien primarjament jittratta dwar żewġ aspetti li fil-fehma tal-Partit Nazzjonalista rriżultaw fi żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.  Dawn kienu n-numru ta’ mistoqsijiet li saru lill-Prim Ministru, l-Onorevoli Dr Joseph Muscat u lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onorevoli Dr Simon Busuttil fiż-żewġ programmi separati li xxandru fit-12 u l-11 ta’ Marzu 2014 rispettivament, kif ukoll l-allegat bias tal-preżentaturi tal-programm fil-mod kif għamlu l-mistoqsijiet.

L-Awtorita` ikkonstatat li ż-żewġ intervisti kellhom tul ta’ bejn wieħed u ieħor 38 minuta kull waħda.

L-Awtorita` ikkonstatat ukoll li n-numru ta’ mistoqsijiet magħmula lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien aktar mill-mistoqsijiet magħmula lill-Prim Minsitru.   Għalhekk għaddiet biex tikkonsidra jekk in-numru ta’ mistoqsijiet minnu nnfisu jistax jitqies bħala li jwassal għal żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.  Mill-intervisti joħroġ li ż-żewġ mistednin ingħataw l-opportunita` u l-ħin kollu biex iwieġbu u ma jirriżultax li f’xi ħin il-preżentaturi interrompew lill-mistednin.  Il-preżentatur/i għandhom id-diskrezzjoni li jistaqsu dawk il-mistoqsijiet li huma jidhrilhom huma ta’ nteress lit-telespettatur u sakemm ma jkunux ostili lejn il-mistednin ma jkunu qed jikkommettu l-ebda ksur tal-Liġi Dwar ix-Xandir.

Kienet fid-diskrezzjoni tal-mistednin kemm jieħdu ħin biex iwieġbu l-mistoqsijiet li sarulhom u fl-ebda ħin ma jirriżulta li l-preżentaturi għaġġlu lil xi wieħed miż-żewġ mistednin biex jirrispondu ħalli jkunu jistgħu jagħmlu aktar mistoqsijiet.  Id-diskrezzjoni li jsiru mistoqsijiet supplimentari hija wkoll rikonoxxuta u ma tikkawża l-ebda żbilanċ sakemm kif diġà ingħad aktar qabel tali mistoqsijiet ma jkunux qed isiru b’mod ostili.  Fiż-żewġ programmi in kwistjoni ma jirriżultax li l-mistoqsijet prinċipali jew dawk supplimentari kienu qed isiru b’mod ostili.

L-Awtorita` ma qablitx ma’ dak li sostna l-Partit Nazzjonalista fit-trattazzjoni tal-ilment li l-użu tal-kliem “intom”, “għandkom” u “għamiltu”  jixhdu l-bias tal-preżentaturi kontra l-Oppożizzjoni. Ġie kkonfermat li dan il-mod kif  jiġu ndirizzati l-mistednin intuża f’numru kbir ta’ ntervisti li saru matul l-iskeda kollha tal-programm in kwistjoni u mhux biss ma’ membri tal-Oppożizzjoni u l-użu tagħhom ma jistax jittieħed li l-preżentaturi ikunu qed jidentifikaw ruħhom ma’ xi parti jew oħra fid-diskussjoni.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet,  l-Awtorita` iddeċidiet li ma jirriżultax li waqt il-programm TVAM tal-11 ta’ Marzu 2014 kien hemm trattament inġust mal-Kap tal-Oppożizzjoni  bil-għan li tiġi avvanzata l-aġenda u n-narrativa partiġġjana tal-Gvern  u li għalhekk iwassal għal żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista, u konsegwentement ma hemm l-ebda passi ulterjuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ dan l-ilment.

Illum 12 ta’ Mejju, 2014