TVM - TVAM - 17 ta' Ottubru 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm TVAM li xxandar fis-17 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2, 3.2.1 u 3.2.2 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u lil Ms Daphne Cassar li dehru għall-istazzjon u l-produtturi rispettivament, assistiti minn Dr Therese Comodini Cachia, li kkontendew li matul is-servizz kien hemm il-kooperazzjoni sħiħa ta’ dawk il-persuni li ġew intervistati u fl-ebda mument ma saret pressjoni biex tittieħed l-intervista. Żiedu li dan ma kienx rapport iżolat għall-aħbarijiet iżda tribut għal żgħażugħ li kien attiv ħafna f’Ħal Qormi fuq kollox b’mod volontarju, u ma kienx jinħass li s-servizz kien eċċessiv jew li nqabeż xi livell ta’ bilanċ bejn dak li kellu u ma kellux jixxandar.

L-Awtorità ddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess u, irriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex issib ħtija kontra l-istazzjon. Madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li filwaqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16.

L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet.