TVM - TVM News - 27, 30, 31 ta’ Marzu, 2, 3 u 4 t’April, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM  dwar l-aħbarijiet ta’ TVM tas-27, 30, 31 ta’ Marzu, 2, 3 u 4 t’April, 2013, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 11 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar waqfiet għar-reklami minkejja li l-bulettini tal-aħbarijiet imsemmija kienu iqsar minn 30 minuta.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lil Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd., f’seduta li nżammet fit-23 t’April, 2013 li min naħa tiegħu filwaqt li ċċita statistika li kienet tindika li normalment il-bulettini tal-aħbarijiet ta’ TVM jeċċedu t-30 minuta, ikkontenda li huwa kien jippreferi bulettini tal-aħbarijiet qosra minn bulettini imġebda mingħajr ħtieġa.  Żied li wara li rċieva n-notifika tal-ksur, ta struzzjonijiet sabiex fin-nuqqas ta’ kontenut adegwat jiżdiedu items mix-xena internazzjonali.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż li l-fatti marbutin mal-akkuża ma ġewx ikkontestati u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

Illum 3 ta’ Meju,  2013