Ilment mill-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 17 ta’ Marzu, 2014 rigward TVM News tal-11 ta’ Marzu, 2014 li skont il-Partit Nazzjonalista ‘kien eżempju ċar tal-manipulazzjoni sfaċċata .... u li l-Kamra tal-Aħbarijiet b’mod regolari qiegħda timbotta l-aġenda tal-Gvern bit-tul tal-istejjer u bin-narrattiva tal-Aħbarijiet.”
L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd. f’seduta li nżammet fl-1 t’April, 2014, u wara li rat is-sottomissjonijiet kollha li saru bil-miktub miż-żewġ partijiet u wara li l-membri tal-Awtorità separatament kellhom l-opportunità li jaraw ir-reġistrazzjoni tal-bulletin tal-aħbarijiet li dwaru lmenta l-Partit Nazzjonalista, l-Awtorità ikkonsidrat fid-dettal dan li ġej:
1. L-Awtorità qieset li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kien jikkonċerna żewġ servizzi fil-bulletin tal-Aħbarijiet tal-11 ta’ Marzu li wieħed kien jitratta l-istorja tal-bejgħ tal-ishma tal-Enemalta u l-ieħor kien jitratta konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor Dr Simon Busuttil dwar analiżi tiegħu tal-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.
2. L-Awtorità issib li ż-żewġ servizzi, li huma distinti minn xulxin u li huwa diffiċli li wieħed jitqabbel ma’ l-ieħor minħabba n-natura tas-servizzi nfushom, kienu mwasslin lit-telespettaur b’mod ġust u bilanċjat. L-ilment dwar it-tul tal-introduzzjoni għaż-żewġ servizzi li dwarhom ilmenta wkoll il-Partit Nazzjonalista, ma jreġix u ma jistax iwassal għal xi żbilanċ, minħabba li kull servizz jirrikjedi introduzzjoni li tkun konsonanti mat-tip ta’ storja li tkun qed tiġi rraportata.
3. L-Awtorità sabet li s-servizz dwar il-Konferenza Stampa kien estensiv u kopra l-punti saljenti kollha li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u m’hemm l-ebda bażi għall-parti tal-ilment fejn intqal li tħalliet xi parti minn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, waqt il-konferenza stampa, biex ma tikkuntrastax man-narrattiva tal-Gvern li l-Oppożizzjoni hija waħda negattiva.
4. Ix-xandir tar-risposta tal-Partit Laburista għal dak li ntqal fil-konferenza stampa tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet konformi mal-prassi editorjali addottata mill-istazzjon, kif jidher mill-fatt li l-istazzjon, xandar ukoll ir-rejazzjoni tal-PN għall-konferenza tal-Aħbarijiet li kien ta il-Prim Ministru dwar l-ewwel sena ta’ Gvern il-ġurnata ta’ qabel.
5. L-Awtorità l-anqas ma tqis li l-inklużjoni tas-servizz dwar statistika, li kienet ħarget mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dakinnhar stess, kienet b’xi mod intiża biex ixxejjen dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konferenza stampa. L-istazzjon mexa ma’ prassi editorjali dwar dan u xandar l-istatistika dakinnhar stess li ħarget u kif inhi l-prassi ma xandarx l-istqarrjiet tal-Gvern, tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista dwar l-istess suġġett.
In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonjiet, l-Awtorita` iddeċidiet li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar dan is-servizz tal-Aħbarijiet ma jissustix u għalhekk ma hemmx lok għal azzjoni ulterjuri dwarhu.
Illum 12 ta’ Mejju, 2014