TVM - TVM News [Power Station] - 5 ta' Mejju 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiema ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 9 ta’ Mejju, 2014 rigward l-edizzjoni tal-aħbarijiet ta’ TVM tal-5 ta’ Mejju, 2014.  F’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista ilmenta b’konnessjoni ma’ servizz li xxandar fl-imsemmi bulettin dwar rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda ekonomika ta’ Malta.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Mejju, 2014.

Il-Partit Nazzjonalista ikkontenda li fir-rapport tagħha l-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li t-tbassir tagħha dwar il-qagħda ekonomika ta’ Malta għas-sena suċċessiva kienet ibbażata fuq numru ta’ suppożizzjonijiet inkluż li l-bini tal-power station il-ġdida jitlesta fil-ħin u li ma jkunx hemm dewmien fil-kostruzzjoni tagħha.  Żied li minkejja li dan il-fattur kien anke ġie rappurtat f’ġurnali lokali inkluż The Times Online l-istazzjon għażel li ma jsemmix dan l-istess fattur fir-rappurtaġġ tiegħu u inoltre l-istazzjon xandar ukoll ir-reazzjoni tal-Gvern billi kkwota dak li kien qal il-Prim Ministru, madanakollu injora għal kollox stqarrija tal-Oppożizzjoni dwar dan ir-rapport. 

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa meqjus suġġett ta’ kontroversja politika u d-deċiżjoni tal-istazzjon li jagħti l-veduti tal-Gvern u jiċċensura lill-Oppożizzjoni ħolqot żbilanċ kontra l-istess partit.  Żied li f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista kien tkellem dwar l-aktar suġġett importanti tal-ġurnata u għalhekk kien iħoss li bid-deċiżjoni tiegħu l-istazzjon kien ħoloq żbilanċ.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon filwaqt li qara r-rapport hekk kif imxandar, reġa’ irrefera għall-policy li kien addotta u japplika f’każi simili, qal li a bażi tal-istess policy, dakinhar ma kienx irrapporta wkoll stqarrija tal-Ministru tal-Ekonomija, stqarrija tal-Partit Laburista u teleconference mal-Ministru tal-Finanzi, b’konnessjoni mal-istess rapport.  L-istazzjon saħaq li kieku kellu jxandar kull stqarrija l-bulettin kien jispiċċa notice board, u kien għalhekk li kien qed jaddotta l-policy li filwaqt li jxandar l-attivitajiet politiċi kollha, ma jxandarx stqarrijiet bi tweġiba marbutin magħhom. Barra minn hekk is-sentenza li għaliha saret riferenza mill-Partit Nazzjonalista l-anqas kienet inkluża fl-istqarrija tiegħu stess.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u rat it-transcripts relattivi u kkonstatat li fis-servizz tiegħu dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda ekonomika ta’ Malta kien adekwat u komprensiv u kien jinkludi l-punti kollha rilevanti.  Żiedet b’dan il-mod l-elementi prinċipali tal-imsemmi rapport kienu ġew eżawriti u għaldaqstant l-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma kienx jissussisti.

Illum 21 ta’ Mejju, 2014