Ilment mill-Partit Laburista dwar l-Aħbarijiet ta’ TVM tat-12 u t-13 ta’ Novembru, 2011
Il-Partit Laburista ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir, permezz ta’ ittra datata 24 ta’ Novembru, 2011, dwar allegat żbilanċ u ksur tar-regolamenti dwar l-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti kif ukoll unfair treatment fil-konfront tal-Partit Laburista fl-aħbarijiet li xxandru s-Sibt 12 ta’ Novembru u l-Ħadd 13 ta’ Novembru 2011.
Il-Partit Laburista allega li f’dawn il-bulettini inkisru diversi regolamenti skont il-liġi tax-xandir kif ukoll il-liġi sussidjarja li tirregola l-akkuratezza u l-imparzjalità fil-bulettini tal-aħbarijiet meta, konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista dwar dak li l-Oppożizzjoni kienet tistenna mill-Budget 2012, li saret is-Sibt 12 ta’ Novembru ingħatat importanza sekondarja fl-aħbarijiet u ma ttieħidtx kumment ta’ wieħed mit-tliet kelliema tal-Partit Laburista li indirizzaw din il-konferenza stampa u fl-istess rappurtaġġ il-PBS ħalla barra numru ta’ issues importanti. Il-Partit Laburista ilmenta wkoll għal prominenza li ngħata il-Ministru Tonio Fenech meta ġie intervistat fl-istudjo waqt l-aħbarijiet. Il-Partit sostna li l-Ministru ngħata l-opportunità kollha li jesprimi punti politiċi li jiġbdu l-linja tal-Gvern bi preparazzjoni għall-qari tad-diskors tal-Budget. L-ilment irrefera wkoll għar-rapporti live minn Spanja u l-Greċja waqt l-istess bulletin.
L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni.
Waqt is-smigħ tal-ilment il-Partit Laburista kien rappreżentat mis-Sur Kurt Farrugia, Direttur tal-Komunikazzjoni, assistit mill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li għal TVM kienu preżenti Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Public Broadcasting Services Ltd., li kien assistit mill-Avukat Therese Comodini Cachia.
L-Awtorità wara li semgħet is-sottomissjonjiet taż-żewġ partijiet, u eżaminat l-iskambju ta’ korrispondenza li għaddiet bejn il-partijiet dwar dan l-ilment iffukat fuq l-elementi li kienu joħorġu mill-ilment fi tliet servizzi li kienu, l-Konferenza Stampa mogħtija mill-Partit Laburista, il-parteċipazzjoni live tal-Ministru tal-Finanzi lejliet it-tħabbir tal-Budget, u r-rapportaġġ min Ateni u Madrid.
Rigward l-ilment ta’ akkuratezza, l-Awtorità ma sabet l-ebda forma ta’ inakkuratezza f’dawn it-tliet servizzi. Dwar il-każ tal-Konferenza Stampa mill-Partit Laburista, l-Awtorità ikkonkludiet, anke meta kkunsidrat li kienet ġiet editjata sentenza waħda fit-tmiem tar-rapport dwar il-Konferenza Stampa mogħtija mill-Partit Laburista, li s-sustanza tar-rapport ma nbidlitx u dak li ġie rraportat kien fidil ma’ dak li ngħad waqt il-Konferenza Stampa. Din il-konkluzjoni tasal ukoll fid-dawl tax-xhieda li taw waqt is-smigħ tal-każ, il-ġurnalist li rraporta l-attività u n-news coordinator li kien xogħol dakinhar.
Oltre minn hekk, l-Awtorità qieset ukoll ir-risposta mibgħuta mill-PBS lill-Partit Laburista b’rejazzjoni għall-ilment. L-istazzjon talab lill-Partit Laburista biex jindika liema punti fil-fehma tal-Partit kienu tħallew barra mir-rappurtaġġ u l-ittra tal-PBS tindika wkoll li jekk kien hemm lok ta’ korrezzjoni u rimedju f’dan ir-rigward, l-istazzjon kien lest jagħmel dan. Fil-fatt il-Partit Laburista naqas milli jindika lill-istazzjon liema partijiet tal-Konferenza Stampa, fl-opinjoni tiegħu, tħallew barra.
Rigward l-ilment dwar unfair treatment, fil-każ tal-parteċipazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi fil-bulletin tal-Aħbarijiet, l-Awtorità ikkonkludiet li l-Ministru tal-Finanzi jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni speċjalment lejliet il-Budget u għalhekk il-fatt li l-Ministru ġie intervistat waqt l-aħbarijiet ma jirriżultax f’każ ta’ żbilanc fil-konfront tal-Partit Laburista. Dwar il-mistoqsija li saret min newscaster dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ma nħassx li din kienet barra minn lokha stante li kien hemm ċerta stennija dwar x’kien se jigri f’dan ir-rigward fit-tħabbir tal-budget, li kien se jsir anqas minn erba’ u għoxrin siegħa wara li xxandar dak il-bulletin.
Rigward is-servizzi minn Ateni u Madrid, li permezz tagħhom TVM wassal dak li kien qed jiġri f’dawn iż-żewġ bliet u kif iċ-ċittadini kienu qed jgħixu din is-sitwazzjoni partikolari, l-Awtorità tħoss li għalkemm huwa veru li dawn il-pajjiżi kienet qed issir referenza għalihom mill-Gvern flimkien ma’ pajjiżi oħra fir-rigward ta’ miżuri ta’ awsterità li kienu qed jittieħdu f’dawn il-pajjiżi, ma tħossx li r-rapportaġġ kif inkluż f’dawn il-bulletini tal-Aħbarijiet jikkostitwixxi trattament inġust fir-rigward tal-Partit Laburista jew imparzjalità għall-fini tal-liġi tax-xandir.
Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità sabet li l-ilment fl-intier tiegħu ma kienx ġie ppruvat u għalhekk iddeċidiet li dan m’għandux jintlaqa'.
21 ta’ Diċembru, 2011