Ilment mill-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 9 ta’ Mejju, 2014 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tal-5 ta’ Mejju, 2014 b’konnessjoni ma’ servizz li xxandar fl-imsemmi bulettin dwar allegazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru dwar it-track record tal-Partit Nazzjonalista fil-kisba ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal Għawdex. Fl-istess ilment il-Partit ikkontenda li l-PBS kien diġà rrapporta lill-Prim Ministru jgħid dan id-diskors nhar is-Sibt 26 ta’ April fl-aħbarijiet tal-23:00 u nhar il-Ħadd 27 ta’ April, 2014 u minkejja li l-Partit Nazzjonalista kien wieġeb nhar il-Ħadd 27 ta’ April, il-PBS għażel li jinjora din ir-risposta.
L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd.
Minn naħa tiegħu il-Partit ikkontenda li dan l-ilment kien ibbażat fuq żewġ punti u ċioe’ il-fatt li l-istazzjon għażel li jirrepeti aħbar li kien diġà xandar u n-nuqqas tal-istazzjon li jirraporta dak li qal il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija dwar l-istess kummenti tal-Prim Ministru.
Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li huwa kellu policy stabbilita li jirrapporta l-attivitajiet politiċi kollha. Żied li kien jirċievi kuljum ammont konsiderevoli ta’ stqarrijiet u tweġibiet u f’kampanja elettorali u dan ma setgħax jimla bulettin tal-aħbarijiet bl-istqarrijiet u b’hekk jirriduċi l-istess f’notice board. Żied li dan ma kienx xieraq fil-konfront tat-telespettaturi, u kien għalhekk li kienet ittieħdedt deċiżjoni li ġiet riflessa f’policy, li l-istazzjon ma jxandarx kwlaunkwe stqarrija bi tweġiba u/jew risposti ta’ natura politika, jiġu minn fejn jiġu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan it-trattament kien jikkostitwixxi żbilanċ fil-konfront tiegħu u l-istazzjon ma setgħax jiddeċiedi li jinjora l-kontenut ta’ stqarrija tal-Partit sempliċiment għax l-istess kontenut ma kienx joħroġ minn diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u rat it-transcripts tad-diversi servizzi fil-bulletini tal-Aħbarijiet ta’ TVM u kkonstatat li:
i. Is-suġġett tal-fondi tal-Unjoni Ewropea għal Għawdex kien trattat f’żewġ servizzi li jirrapportaw dak li kien intqal mill-Prim Ministru fis-26 ta’ April u 5 ta’ Mejju u f’żewġ servizzi oħra li jirraportaw dak li kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fis-27 ta’ April u fil-5 ta’ Mejju.
ii. Iż-żewġ servizzi tal-Prim Ministru jirrapportaw li l-Gvern Nazzjonalista kien żamm ir-risposta tal-Kummissjoni Ewropeja, dwar jekk Għawdex setgħax jibbenefika minn status ta’ reġjun biex jieħu aktar fondi ewropej, mistura. Huwa qal ukoll li l-Gvern preċedenti ma żammx mal-wegħda tiegħu li jalloka 10% tal-fondi ewropej għall-proġetti f’Għawdex.
iii. Minn naħa l’oħra ż-żewġ servizzi tal-Kap tal-Oppożizzjoni jirraportaw li kieku kellha tgħaddi tal-Prim Ministru, Malta u partikolarment Għawdex, ma kienux jieħdu fondi mill-Unjoni Ewropeja u li fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista ma sarx proġett wieħed kapitali f’Għawdex. Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie wkoll rapportat li qal li Gvern Nazzjonalista irnexxielu jġib biljun u mija u tmienja u ħamsin elf ewro mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja li minnhom Għawdex kien ser igawdi 10% tal-fondi kif kien sar fis-7 snin ta’ qabel.
iv. Il-Partit Nazzjonalista bbaża l-ilment tiegħu fuq żewġ premessi u cioe’ li l-istazzjon naqas li jxandar stqarrija b’risposta għal dak li kien qal il-Prim Ministru fis-26 ta’ April u li l-istazzjon reġa rrepeta l-istess aħbar fil-5 ta’ Mejju.
v. ll-policy editorjali tal-istazzjon kienet li ma jirrapportax stqarrijiet b’risposti għal dak li jkunu qalu il-kelliema tal-partiti għax jekk ma jsirx hekk l-Aħbarijiet jirrendu ruħhom notice board ta’ stqarrijet, ħaġa li anke l-Liġi Dwar ix-Xandir tinsisti li l-Aħbarijiet m’għandhomx ikunu notice board ta’ stqarrijiet.
vi. L-istazzjon sostna li dawn ir-risposti setgħu faċilment jingħataw mill-kelliema nfushom u jiġu rraportati bħala parti mid-diskors tagħhom.
vii. L-istazzjon sostna li kemm iż-żewġ rapporti ta’ dak li qal il-Prim Ministru kif ukoll iż-żewġ rapporti ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett li dwarhu sar l-ilment jirriflettu l-argumenti kollha li għamlu ż-żewġ naħat u l-mod kif ġew rapporti kien korrett u ma joħloq l-ebda żbilanċ.
L-Awtorita` qieset is-sottomissjonijiet tal-partijiet, fid-dawl ta’ dak li tipprovdi l-Liġi dwar ix-Xandir dwar rappurtaġġ ta’ aħbarijiet u din kellha tiddeċiedi jekk ir-rappurtaġġ tal-aħbar fiż-żewġ okkazzjonijiet ċitati fl-ilment kienux jikkostittwixxu żbilanc jew nuqqas ta’ imparzjalita`, u dan kif mitlub minnha skont Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u Kapitlu 350 tal-Liġijiet ta’ Malta.
L-Awtorita` tqies li l-mod kif ġew irraportati id-diskorsi tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-granet imsemmija fl-ilment kienu ekwi u jwasslu l-veduti kontrastanti taż-żewġ partijiet b’mod li min kien qiegħed jisma’ u jara l-bulettini tal-Aħbarijiet seta’ jifhem u jagħmel ġudizzju dwarhu. In-nuqqas ta’ xandir tal-istqarrija li għaliha saret riferenza mill-Partit Nazzjonalista f’dan l-ilment speċifiku, ma jwassalx għal żbilanċ, minħabba li l-argument rifless fl-imsemmija stqarrija kien twassal mill-istazzjon fl-istess granet meta rraporta d-diskorsi tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Għalhekk l-Awtorita` iddeċidiet li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista ma kienx jissussisti u ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal azzjoni ulterjuri dwaru.
Illum 21 ta’ Mejju, 2014