TVM - TVM Roadshow - 2 ta’ Lulju, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
TVM Roadshow li jagħmel parti mill-programm
Sportiv Tazza tad-Dinja Russja 2018 li xxandar fit-2 ta’ Lulju, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm TVM Roadshow li jagħmel parti mill-programm sportiv Tazza tad-Dinja Russja 2018 li xxandr fit-2 ta’ Lulju, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) u Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir, meta waqt dan il-programm ixxandret intervista ma’ rappreżentanta tal-Maltco li tkellmet dwar l-offerta li kienet għaddejja fejn ma’ kull €100 ta’ biljetti tal-Ubet, il-klijent imur il-Head Office tal-Maltco Lotteries u jingħata ballun tal-Ubet. Matul l-intervista r-rappreżentanti tal-Maltco kienu libsin T-shirt tal-Ubet u dehru wkoll bnadar tal-Ubet. Minħabba li l-intervista kienet reklamatorja, seħħ ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir. Barra minn hekk, kif indikat aktar qabel, ir-rappreżentanti dehru b’T-shirt tal-Ubet u għaldaqstant kien hemm tqegħid tal-prodotti tal-logħob tal-ażżard. Din l-intervista xxandret fit-15:27 u għalhekk seħħ ksur ta’ Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tiegħu filwaqt ammetta l-akkuża irrefera għall-motivazzjoni dwar l-akkuża preċedenti u ċioe’ li l-preżentazzjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-attività għall-pubbliku fil-pjazza u x-xandira televiżiva.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva ridotta fl-ammont ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018