TVM - TVM Roadshow - 28 ta’ Gunju, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
TVM Roadshow li jagħmel parti mill-programm
Sportiv Tazza tad-dinja Russja 2018 li xxandar fit-28 ta’ Ġunju, 2018


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm TVM Roadshow li jagħmel parti mill-programm sportiv Tazza tad-Dinja Russja 2018, li xxandar fit-28 ta’ Ġunju, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) u Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir, meta waqt dan il-programm ixxandret referenza għall-merchandise li kienu qed jingħataw. Dawn il-prodotti dehru wkoll fl-intervista. Waqt dan il-programm ixxandret intervista ma’ rappreżentanta tal-Maltco li tat informazzjoni dwar promozzjoni li kienet għaddejja għall-klijenti tal-Maltco li kienu se jingħataw ballun tal-Ubet. Barra minn hekk, fl-intervista r-rappreżentanta tkellmet ukoll dwar l-offerta li kienet qed tingħata lill-klijenti li jilagħbu €100 fuq prodotti tal-Ubet. Minħabba li din kienet intervista purament reklamatorja u ma kinitx indikata bħala tali, seħħ ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir. Barra minn hekk, matul din l-intervista r-rappreżentanti kienu liebsin T-shirts tal-Ubet u dehru wkoll żewġ bnadar tal-Ubet. Peress li din l-intervista xxandret fil-15:24, seħħ ksur ta’ Artiklu 16M(4)(c) minħabba li kien hemm tqegħid ta’ prodotti ta’ logħob tal-ażżard qabel is-19:00.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża irrileva li dak li deher waqt it-trażmissjoni kien immirat esklussivament għall-pubbliku fil-pjazza minfejn saret l-istess trażmissjoni. Żied li dan kien nuqqas fejn ma saritx distinzjoni bejn l-attivita’ fil-pjazza u x-xandira.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva ridotta fl-ammont ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018