L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-edizzjoni tal-programm TVPM li xxandar fit-12 ta’ Diċembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjaraja 350.22 meta waqt dan il-programm kien hemm rokna fejn il-mistieden Noel Farrugia ‘konsulent tal-ivvjaġġar’ tkellem u ta informazzjoni dwar is-Slovenja filwaqt li ntwerew filmati promozzjonali dwar dan il-pajjiż u saret referenza partikolari għal Lake Bled bħala destinazzjoni tajba għall-familja. Skont l-akkuża din ir-rokna kienet marbuta ma’ kompetizzjoni li kienet abbinata mal-programm, li permezz tagħha persuna kellha tirbaħ vaganza għal Lake Bled, liema kompetizzjoni kienet ilha sejra għal numru ta’ ġimgħat, u ma kienitx indikata bħala ‘messaġġ promozzjonali’.
Il-Kap Eżekuttiv qal li l-kontenut tar-rokna kien evidentement promozzjonali u l-fatt li din kienet magħquda b’assoċjazzjoni ċara mal-kompetizzjoni wassal għal ksur tal-imsemmi provvediment li jispeċifika il-ħin li għandu jkun allokat għall-informazzjoni dwar il-premju fil-każ ta’ kompetizzjoni. Żied li filwaqt li l-liġi kienet tgħid li l-infomazzjoni ta’ dan it-tip ma kellhiex tkun itwal minn 7 sekondi, f’dan il-każ ir-rokna qabżet id-9 minuti u dan meta wieħed iqis l-assoċjazzjoni.
Minn naħa tiegħu is-Sur Mario Micallef qal li r-rokna mas-Sur Noel Farrugia kienet waħda informattiva u mhux reklamatorja u kienet ilha ssir numru ta’ ġimgħat.
Ms Corazon Mizzi ikkontendiet illi filwaqt li kien ikun aħjar li kieku l-irkejjen kienu distinti, irrilevat il-fatt li matul l-intervent tiegħu f’din ir-rokna, il-mistieden qatt ma ta informazzjoni promozzjonali, għalkemm ammettiet li nzerta li dakinnhar li kellha tintrebaħ il-kompetizzjoni, il-mistieden tkellem dwar l-istess destinazzjoni li fiha kienu ser imorru r-rebbieħa u saret ukoll miegħu riferenza għall-kompetizzjoni.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet diġà rat il-filmat relattiv iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madankollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati iddeċidiet li twissi lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Ilum 18 ta’ Lulju, 2014