L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm TVPM li xxandar fil-15 ta’ Ġunju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur Paragrafu 5.4 tal-Legislazzjoni Sussidjarja 350.30 li jagħmel aċċenn li kull talba dwar xi trattament trid tiġi appoġġata b’evidenza xjentifika adekwata. Waqt dan il-programm ixxandret rokna ta’ Telebejgħ tal-EasyLife bil-prodott Insta Life. Waqt din ir-rokna, il-preżentatur għamel diversi rimarki dwar kif dan il-prodott ineħħi l-uġiegħ fid-dahar bla ma wieħed ikollu jieħu pilloli, injezzjonijiet u kura oħra bħall-akupuntura. F’mumenti saret referenza wkoll għal kif id-Dipartiment tas-Saħħa ta’ kull pajjiż iħeġġeġ lill-poplu tiegħu sabiex ma jieħdux pilloli. Fil-filmat li xxandar bl-Ingliż intqal saħansitra “now it’s time to get rid of those drugs, creams, heat pads and expensive weekly visits to a doctor. Now it’s time to experience Insta Life”.
Fl-akkuża intqal li kien jinħass li dan it-telebejgħ kien qed iħeġġeġ lin-nies biex jixtru dan il-prodott bil-wegħda li jfejjaq l-uġiegħ fid-dahar mingħajr ma tingħata spjegazzjoni xjentifika ta’ kif dan jista’ jseħħ. Barra minn hekk ingħatat l-impressjoni li tali prodott huwa sostitut għal prodotti mediċinali li persuni jistgħu jkunu qed jieħdu minħabba uġiegħ fid-dahar.
L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv) u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, u lis-Sur Peter Caruana li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju, 2015. U minn naħa tiegħu s-Sur Caruana ikkontenda illi bħala prinċipju il-kumpannija tara li l-prodotti li jinġiebu Malta u li jiġu ppreżentati f’irkejjen ta’ telebejgħ kollha jkunu diġa ġew ippruvati f’pajjiżi oħra mingħajr problemi. Żied li wara li rċieva l-akkuża u ra l-filmat relattiv huwa ħa l-miżuri neċessarji sabiex jinforma aħjar lit-telespettaturi dwar il-prodott u elimina għal kollox kummenti dwar l-użu ta’ mediċinali oħra.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv qablet li fir-rokna in kwistjoni kienu saru asserzjonijiet li ma kienux sostnuti u appoġġjati b’evidenza xjentifika adekwata ai termini tal-Liġi u għaldaqstant iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 23 ta’ Lulju, 2015