L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm TVPM tas-17 t’April, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 20 u 23 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm ġew innutati nuqqasijiet waqt it-twieqi tat-telebejgħ kif ġej:
(i) Telebejgħ ta’ Marcon Group; il-preżentatur qal li hemm kollezzjoni sħiħa twapet (qisien u kuluri differenti) iżda ma tax il-prezzijiet; madankollu huwa ħeġġeġ sabiex it-telespettaturi jċemplu u jingħataw l-informazzjoni (13:04:00).
(ii) Telebejgħ ta’ Centromoda; ma ngħatawx il-prezzijiet ta’ numru ta’ affarijiet li kienu esebiti fit-tieqa ta’ telebejgħ (13:42:40).
(iii) Telebejgħ ta’ Fiorita; il-preżentattriċi qalet li hemm xelta kbira ta’ items iżda hija ma tistax iġġib kollox (14:17:17).
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, lil Ms Erica Gauci għall-produzzjoni u kif ukoll lis-Sur Philip Camilleri li ssejjaħ bħala xhud f’isem l-istabbiliment Centro Moda, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Ġunju, 2015.
Il-Kap Eżekuttiv irrileva l-fatt li apparti n-nuqqasijiet elenkati, wieħed qajla setgħa jikkonsidra dawn il-produzzjonijiet bħala rkejjen ta’ telebejgħ. Żied li b’dan il-mod il-kunċett u l-karatteristiċi ta’ telebejgħ kienu qed ikun skartati minħabba l-aċċenn eċċessiv fuq l-aspett kummerċjali għall-istabbiliment minflok għal dak li fil-fatt ikun qed jiġi offrut għall-bejgħ.
Is-Sur Philip Camilleri, minn naħa tiegħu, filwaqt li ammetta l-akkuża kkontenda li flimkien mal-produzzjoni kien sar sforz konsiderevoli biex ir-regolamenti dwar l-użu tal-ilsien Malti waqt l-irkejjen ta’ telebejgħ ppreżentati minn Centro Moda ikunu osservati. Żied li xi drabi l-attenzjoni għal dan il-fatt kienet twassal għal nuqqasijiet f’oqsma oħra tal-produzzjoni.
L-Awtorità, qieset fid-dettal is-sottomissjonijiet kemm tal-Kap Eżekuttiv kif ukoll dawk tal-istazzjon, inkluża l-ammissjoni tal-istazzjon. L-Awtorita` sostniet li Paragrafu 20 tat-Tielet Skeda jispeċifika li “Offerta diretta tfisser il-forma ta’ reklamar għall-provvista ta’ prodott jew servizz li joffri spjegazzjonijiet dettaljati u promozzjoni ta’ vantaġġi”. Barra minn hekk Paragrafu 23 jesiġi li “Il-prezz tal-prodott jew servizz offrut għandu jingħata waqt l-offerta ta’ telexiri”. Fit-tliet istanzi li għalihom hemm riferenza fl-akkuża, jidher ċar li kien hemm nuqqas ta’ dan l-obbligu u għalhekk l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li dan ma kienx l-ewwel ksur li sar f’dan il-programm, iddeċidiet li timponi il-penali relattiva fl-ammont ta’ €1,160 liema penali kellha titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika.
Ilum 18 ta’ Ġunju, 2015