TVM - TVPM - 3 u 17 ta' Marzu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-edizzjonijiet tal-programm TVPM li xxandru fit-3 u fis-17 ta’ Marzu,  2014, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 9.1 (ċ) tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet ta’ Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li Japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali, meta waqt ir-rokna ta’ Telebejgħ Bodies in Motion waħda mill-mistiedna iddikjarat li kienet naqqset l-ammont ta’ pilloli li kienet tieħu għall-kura ta’ ċerti kundizzjonijet mediċi u dan mingħajr ma kien spjegat b’mod xjentifiku kif dan kien seħħ.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring li kienet qed tressaq l-akkużi fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd u lis-Sinjura Ritianne Zahra li tifforma parti mill-istess kumpanija.

Minn naħa tiegħu is-Sur Micallef qal li l-istazzjon kien avża minn qabel lis-Sur Xuereb bl-obbligi imposti bil-liġi madanakollu peress li l-kummenti tal-mistiedna kienu saru bil-Malti s-Sur Xuereb ma fehmhomx u għalhekk ma setgħax jirrejaġixxi u jagħti spjegazzjoni aktar ċara ta’ dak li kien ingħad.

Is-Sinjura Zahra qalet li minn dakinhar il-produzzjoni kienet qiegħda tkun ferm aktar attenta għal dak li jkun qed jingħad waqt it-taqsima u dan biex anke l-preżentatriċi tkun tista’ tintervjeni skont il-każ.  Żiedet li bħala organizazzjoni dejjem jisħqu li l-membri jikkonsultaw mat-tabib tagħhom qabel jibdew il-programm u qabel ma’ jiddeċiedu li jnaqqsu l-medikazzjoni.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qieset il-fatt li r-riferenza għat-tnaqqis jew it-twaqqif ta’ pilloli tal-kolesterol,  tal-pressjoni u d-diabete li saret miż-żewġ mistiedna fi programmi differenti, wara li dawn kienu segwew it-trattament offrut mill-Bodies in Motion, ma ġiet bl-ebda mod spjegata b’manjera xjentifika, la mill-prezentatriċi u l-anqas mis-Sur John Xuereb li kien ko-preżentatur ta’ din it-taqsima ta’ telebejgħ.

L-iskop ta’ klawsola fil-liġi li tispeċifika li jrid jiġi muri biċ-ċar f’manjiera xjentifika l-effetti jew ir-riżultati ta’ offerta ta’ trattament jew servizz biex wieħed jirqaq, huwa li t-telespettatur ma jieħux impressjoni żbaljata u jagħmel xi ħaġa (bħala twaqqif ta’ medikazzjoni għall-kolesterol, dijabete jew pressjoni) mingħajr il-parir tat-tabib.  Kien dover tal-preżentatriċi jew tal-ko-preżentatur ta’ din ir-rokna ta’ telebejgħ li jagħmlu dan biex it-telespettatur ikun protett u jingħata informazzjoni kompluta.  Dan fil-fatt ma sarx f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet.

L-Awtorita` tieħu b’serjeta kbira kull ksur tal-Liġi Dwar ix-Xandir, speċjalment dawk li jirrigwardaw prodotti jew trattamenti mediċinali, minħabba li fin-nofs hemm is-saħħa tal-pubbliku, u meta qieset il-fatti kollha tal-każ in eżami, sabet li l-akkuża ġiet ippruvata u fil-fatt kien hemm ksur ta’ Paragrafu 9.1.(c) tal-Liġi Sussidjarja 350.30. 

Għalhekk l-Awtorita`, filwaqt li kienet qed tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon  biex ikun viġilanti partikolarment fi programmi ta’ din ix-xorta u li jassigura li ksur ta’ liġi bħal dan ma jirrepetix ruħu, kienet qed timponi l-penali relattiva ta’ €1,160 li trid titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

Illum 1 t’Awwissu, 2014