TVM - TVPM - 5, 7, 8 u 9 ta’ Jannar, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjonijiet tal-programm TVPM tal-5, 7, 8 u 9 ta’ Jannar, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 20 u 23 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta:

  • Fil-5 ta’ Jannar waqt ir-rokna ta’ telebejgħ ta’ Marcon Group li fih Cettina naqset li toffri l-prezzijiet tal-oġġetti kollha li kienet qed turi. Waqt li kienet qed tkellem fuq il-boroż (handbags), il-preżentatriċi qalet li tnejn biss ġabet magħha imma għamlet referenza għal aktar tipi ta’ boroż li lanqas biss kienu jidhru;
  • Fis-7 ta’ Jannar kien hemm ir-rokna ta’ telebejgħ Ma’ Fiorita. Fil-bidu Silvana qalet lit-telespettaturi biex ma jċemplux dakinhar minkejja li din kienet rokna ta’ telebejgħ. Għall-ilbies tal-preċett, il-preżentatriċi kellha waħda biss u ħeġġet lit-telespettaturi biex iċemplu biex jiksbu aktar informazzjoni mingħajr ma wriet it-tipi differenti tal-ilbies tal-preċett;
  • L-għada 8 ta’ Jannar kien hemm għal darb’oħra r-rokna tat-telebejgħ Ma’ Fiorita li fiha Silvana għamlet reklam għall-ħanut meta qalet li jkunu miftuħin il-ġurnata kollha. Intant, kif seħħ fil-ġurnata ta’ qabel, ma ngħatawx il-prezzijiet tal-oġġetti kollha li ntwerew waqt din ir-rokna ta’ telebejgħ;
  • Intant, fl-edizzjoni tad-9 ta’ Jannar reġa kien hemm l-istess nuqqasijiet fl-irkejjen ta’ telebejgħ ta’ Marcon Group u Ma' Fiorita u dan billi naqsu li jagħtu l-prezzijiet tal-oġġetti li ntwerew.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Jordan De Giorgio għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Marzu, 2015.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon u kif ukoll il-produttur filwaqt li ammettew l-akkuża ikkontendew illi huma kienu qed jagħmlu ħilithom kollha sabiex ir-regolamenti dwar reklamar jiġu osservati bl-aktar mod sħiħ u ampju u l-ksur tar-regolamenti li jissemma fl-akkuża kien sar mill-kumpanniji li kienu qed jirreklamaw fl-irkejjen tat-telebejgħ li minħabba li jkunu live mhux possibbli li jitwaqqfu dak il-ħin.

L-Awtorità, ħadet konjizzjoni tal-ammissjoni tal-istazzjon u tal-isforzi li qed isiru biex il-produtturi ikunu konformi ma’ dak li titlob il-liġi dwar ix-xandir, minħabba li dan ma kienx l-ewwel ksur li sar f’dan il-programm, kienet qed timponi il-penali relattiva fl-ammont ta’ €930, liema penali kellha titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika, saħqet fuq l-importanza li r-regolamenti u l-liġi jiġu rispettati u li l-istazzjon jikkonforma mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja.  Żiedet u tenniet li minn naħa tagħha l-Kummissjoni Ewropeja kienet tisħaq fuq in-neċessita li l-Awtoritàjiet regolatorji jinfurzaw din id-Direttiva b’mod koerenti u rigoruż.

Ilum 18 ta’ Marzu, 2015